EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011FJ0130

Sommarju tas-sentenza

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(Seduta Plenarja)

11 ta’ Diċembru 2013

Marco Verile u Anduela Gjergji

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjonijiet — Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt skema ta’ pensjoni nazzjonali — Regolament li jadatta r-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni — Adattament tal-valuri attwarjali — Ħtieġa li jiġu adottati dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni — Applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda — Irtirar ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz — Legalità — Kundizzjonijiet”

Suġġett:

Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Verile u A. Gjergji jitolbu, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjonijiet, tal-20 u tad-19 ta’ Mejju 2011 rispettivament, li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea rtirat il-proposta inizjali li tiffissa, fuq talba tagħhom, in-numru ta’ snin ta’ servizz akkreditati fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u nnotifikatilhom, rispettivament, akkreditazzjoni ġdida tas-snin ta’ servizz li tirriżulta mit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li kienu kisbu taħt skemi ta’ pensjoni nazzjonali qabel daħlu fis-servizz tal-Kummissjoni.

Deċiżjoni:

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Mejju 2011 u tad-19 ta’ Mejju 2011 indirizzati rispettivament lil M. Verile u lil A. Gjergji huma annullati. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn M. Verile u minn A. Gjergji.

Sommarju

  1. Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Inklużjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91, Anness VIII, Artikolu 11(2))

  2. Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Modalitajiet – Determinazzjoni tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema nazzjonali – Kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali – Kalkolu tas-snin ta’ servizz akkreditati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni – Kompetenza tal-istituzzjonijiet

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

  3. Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Koeffiċjenti ta’ konverżjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni ġodda fid-data tal-aċċettazzjoni ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz

  1.  Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz hija att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal li jkun għamel talba għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu. Tali proposta hija att unilaterali li jista’ jiġi sseparat mill-qafas proċedurali li jaqa’ fih u li jiġi adottat bis-saħħa ta’ kompetenza limitata mogħtija ex lege lill-istituzzjoni, għaliex tirriżulta direttament mid-dritt individwali li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti espressament lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal meta jidħlu fis-servizz fi ħdan l-Unjoni.

    (ara l-punti 40, 41 u 55)

    Referenza:

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Diċembru 2012, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni, F-122/10, li hija s-suġġett ta’ appell attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑103/13 P, punti 37 sa 39

  2.  L-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn, minn naħa, fil-paragrafu 1 tiegħu, it-trasferiment “out” u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 2 tiegħu, it-trasferiment “in”.

    L-ekwivalenza attwarjali msemmija fl-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-kapital aġġornat imsemmi fl-Artikolu 11(2) huma żewġ kunċetti ġuridikament distinti, li kull wieħed minnhom jappartjeni għal skemi li huma indipendenti waħda mill-oħra.

    L-ekwivalenza attwarjali fil-fatt hija ppreżentata, fir-Regolamenti tal-Persunal, bħala kunċett awtonomu, partikolari għas-sistema tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Hija ddefinita fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

    Il-kapital aġġornat ma huwiex iddefinit mir-Regolamenti tal-Persunal, li lanqas jindikaw il-metodu tal-kalkolu tiegħu, u dan minħabba l-fatt li l-kalkolu tiegħu u l-modalitajiet tal-istħarriġ ta’ dan il-kalkolu jaqgħu esklużivament fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati.

    Fir-rigward tal-kalkolu mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti, fid-dawl tat-trasferiment “in” tal-kapital aġġornat, dan il-kapital huwa ddeterminat abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli u skont il-modalitajiet iddefiniti minn dan id-dritt jew, fir-rigward ta’ organizzazzjoni internazzjonali, mir-regoli tagħha stess, u mhux abbażi tal-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u skont ir-rata ta’ interessi stabbilita minn din id-dispożizzjoni.

    Fir-rigward tal-kalkolu tan-numru tas-snin akkreditati li għandhom jiġu kkunsidrati fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, li huwa kalkolu distint minn dak tal-kapital aġġornat, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar it-trasferimenti “in” u lanqas xi dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdu espressament l-obbligu li fil-kalkolu tan-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni għandha tiġi applikata r-rata ta’ interessi msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan l-istess anness.

    Fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-aġġornament tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni f’każ ta’ trasferiment “in”, fid-dawl tar-rata ġdida ta’ 3.1 % stipulata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008, li jaġġusta mill-1 ta’ Lulju 2008 r-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, hija l-istituzzjoni skont l-imsemmi Artikolu 11(2), li jirreferi għal dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni sabiex dan jiġi implementat, u skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandha timmodifika d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni eżistenti u tistabbilixxi tabella ġdida ta’ valuri attwarjali.

    (ara l-punti 77, 79 sa 81, 88, 90 u 94)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 2013, Časta, C‑166/12, punt 24

    Il-Qorti tal-Prim Istanza: 18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, punti 56 u 57, u l-ġurisprudenza ċċitata

  3.  Skont prinċipju ġeneralment irrikonoxxut, u sakemm ma jkunx hemm deroga, regola ġdida tapplika immedjatament għas-sitwazzjonijiet li jkunu għad iridu jimmaterjalizzaw kif ukoll għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li diġà jkunu mmaterjalizzaw, mingħajr ma jkunu madankollu kompletament ikkostitwiti, taħt ir-regola l-qadima.

    Fir-rigward tat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, sabiex is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jkun għamel talba għal trasferiment “in” tkun kompletament ikkostitwita taħt il-valuri attwarjali annessi mad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni fl-2004, għandu jiġi stabbilit li, sa mhux iktar tard mit-tmiem tal-ġurnata preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni l-ġodda stipulati fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni li ġew adottati mill-Kummissjoni fl-2011, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2011, il persuna kkonċernata kienet aċċettat il-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li kienet saritilha taħt id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-2004.

    L-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni previsti fl-Anness 1 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-2011, qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fl-1 ta’ April 2011, għal uffiċjali jew membri tal-persunal li kienu aċċettaw proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz qabel l-1 ta’ April 2011 neċessarjament tippreġudika l-aspettattivi leġittimi ta’ dawn l-uffiċjali jew ta’ dawn il-membri tal-persunal.

    (ara l-punti 94, 99, 101 u 107)

    Referenza:

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Ġunju 2012, Guittet vs Il-Kummissjoni, F-31/10, punti 47 u 66, u l-ġurisprudenza ċċitata

Top