Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011FJ0094

    Sommarju tas-sentenza

    SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

    (It-Tieni Awla)

    21 ta’ Marzu 2013

    Kawża F‑94/11

    Markus Brune

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Annullament ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Eżekuzzjoni ta’ res judicata – Prinċipju ta’ legalità – Eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-deċiżjoni li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ kompetizzjoni”

    Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Brune jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni, li sar jaf bih permezz ta’ ittra tal-President tal-Bord tal-Għażla tal-11 ta’ 2011, li ismu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/26/05.

    Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. M. Brune għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

    Sommarju

    1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ kompetizzjoni– Esklużjoni – Att li jista’ jiġi kkontestat b’mod eċċezzjonali biss meta rikors ikun dirett kontra d-deċiżjoni li isem kandidat ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

    2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tad-dispożittiv tas-sentenza – Annullament tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li isem kandidat ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva – Ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-uniku rikorrent – Modalità ta’ eżekuzzjoni adegwata

    (Artikolu 266 TFUE ; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27)

    3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Possibbiltà li jiġi stabbilit djalogu mal-vittma

    (Artikolu 266 TFUE)

    1.      Deċiżjoni li tindika lil kandidat, eskluż b’mod żbaljat minn kompetizzjoni, li l-kompetizzjoni hija miftuħa mill-ġdid u tippreċiża l-modalitajiet direttament relatati ma’ din it-tkomplija tal-proċedura ta’ kompetizzjoni, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, iżda att preparatorju tad-deċiżjoni, meħud wara t-tmiem tal-proċedura, li jiġi jew ma jiġxix inkluż isem il-kandidat fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, il-kandidat ma jistax jippreżenta rikors direttament kontra din id-deċiżjoni preparatorja, iżda jikkontestaha biss b’mod eċċezzjonali, meta rikors ikun dirett kontra d-deċiżjoni li ismu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva

    (ara l-punt 37)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Lulju 1993, Camara Alloisio et vs Il-Kummissjoni, T‑17/90, T‑28/91 u T‑17/92, punt 42

    2.      Sussegwentement għal sentenza ta’ annullament, l-istituzzjoni kkonċernata għandha l-obbligu, skont l-Artikolu 266 TFUE li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex testingwi l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati, li, fil-każ ta’ att li diġà ġie eżegwit, jimplika l-fatt li r-rikorrent jerġa’ jitqiegħed fis-sitwazzjoni legali li kien isib ruħu fiha qabel dan l-att.

    Sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu impost fuqha mill-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni għandha tadotta miżuri konkreti li jistgħu jeliminaw l-illegalità mwettqa fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, hija ma tistax teċċepixxi diffikultajiet prattiċi li jkunu jistgħu jinvolvu t-tqegħid tar-rikorrent fis-sitwazzjoni ġuridika li kien fiha qabel l-adozzjoni tal-att li ġie annullat sabiex jiġi evitat dan l-obbligu. Huwa biss sussidjarjament, meta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament tiffaċċja ostakli kbar, li l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha billi tieħu deċiżjoni li tkun tista’ tikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuna kkonċernata tad-deċiżjoni annullata.

    F’dan ir-rigward, għalkemm hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tiddetermina liema huma l-miżuri neċessarji sabiex tiġi eżegwita s-sentenza ta’ annullament, is-setgħa diskrezzjonali li hija għandha hija limitata min-neċessità li jiġu osservati d-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza li hija għandha l-obbligu li teżegwixxi kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-istituzzjoni konvenuta għandha b’mod partikolari tevita li l-miżuri adottati jkunu ivvizzjati bl-istess irregolaritajiet li hija tidentifika fis-sentenza tal-annullament.

    Madankollu, fir-rigward ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata għall-istabbiliment ta’ riżerva ta’ reklutaġġ, l-amministrazzjoni tista’ tfittex soluzzjoni ekwa fil-każ partikolari ta’ kandidat li jkun ġie illegalment eskluż. Għalhekk, meta jkun jirrigwarda kompetizzjoni ġenerali organizzata għall-istabbiliment ta’ riżerva ta’ reklutaġġ fejn l-eżamijiet ikunu ġew ivvizzjati, id-drittijiet ta’ kandidat huma adegwatament protetti jekk l-Awtorità tal-Ħatra tgħaddi għal-ftuħ mill-ġdid, fir-rigward tiegħu, ta’ kompetizzjoni bil-għan tal-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva, tali ftuħ mill-ġdid ikun jimplika l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni kif kienet teżisti qabel ma seħħew iċ-ċirkustanzi kkritikati mill-qorti. Min-naħa l-oħra, soluzzjoni li timplika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni mingħajr ma jkun reġa’ għamel l-eżami orali, ma hijiex aċċettabbli mingħajr il-ksur, mhux biss tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-prinċipju ta’ oġġettività tal-evalwazzjoni u tal-avviż ta’ kompetizzjoni, iżda wkoll tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    (ara l-punti 58 sa 60, 63 u 67)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 144/82, punt 33; 6 ta’ Lulju 1993, Il-Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, punt 13

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: it-22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑32/89, u T‑38/89, punt 44; 8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il-Parlament, T‑84/91, punt 78; 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata; 5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T‑119/99, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata; 13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, T‑283/03, punti 50 u 51

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: l4 ta’ Ġunju 2008, Andres et vs BĊE, F‑15/05, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata

    3.      Peress li l-azzjoni tal-amministrazzjoni tiġi eżerċitata unilateralment, hija din tal-aħħar li għandha tiddetermina liema huma l-miżuri neċessarji sabiex tiġi eżegwita sentenza ta’ annullament. Konsegwentement, l-amministrazzjoni għandha l-possibbiltà u mhux l-obbligu, li tistabilixxi djalogu mal-vittma ta’ illegalità sabiex jintlaħaq ftehim li joffri lil din tal-aħħar kumpens ekwu.

    (ara l-punt 71)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Meskens vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80; 26 ta’ Ġunju 1996, De Nil u Impens vs Il-Kunsill, T‑91/95, punt 34

    Top