Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011FJ0093

    Sommarju tas-sentenza

    SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
    (It-Tieni Awla)

    21 ta’ Marzu 2013

    Kawża F‑93/11

    Jamal Taghani

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni — Rimedji ġudizzjarji — Rikors ġurisdizzjonali ppreżentat mingħajr stennija għad-deċiżjoni dwar l-ilment — Ammissibbiltà — Bdil fl-avviż ta’ kompetizzjoni wara li saru t-testijiet ta’ ammissjoni — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Ċertezza legali”

    Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a, li permezz tiegħu J. Taghani jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10 li ma jitħalliex jagħmel l-eżamijiet ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tipprovdi kumpens għad-dannu li huwa bata minħabba din id-deċiżjoni.

    Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10, tal-15 ta’ Ġunju 2011, li ma tħallix li J. Taghani jagħmel l-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tagħti lil J. Taghani EUR 1000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Sommarju

    1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni — Bdil fl-avviż ta’ kompetizzjoni wara li saru t-testijiet ta’ ammissjoni — Kandidat li ma setax jintgħażel għall-kumplament tal-kompetizzjoni anki fl-assenza tal-bidla — Inammissibbiltà — Eċċezzjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

    2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors dirett kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ kompetizzjoni — Possibbiltà li tiġi invokata l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91)

    3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Natura fakultattiva — Deċiżjoni bbażata fuq avviż ta’ kompetizzjoni wara li saru t-testijiet ta’ ammissjoni — Assenza ta’ effett

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(2))

    4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Natura fakultattiva — Introduzzjoni — Konsegwenzi — Ħarsien tad-dritt li tiġi direttament adita qorti tal-Unjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(2))

    5.      Uffiċjali — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għal suċċess — Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni — Bdil fl-avviż ta’ kompetizzjoni wara li saru t-testijiet ta’ ammissjoni li għandu l-effett li jnaqqas il-probabbiltajiet ta’ suċċess tal-kandidati li qed jipparteċipaw fl-imsemmija kompetizzjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 1(1)(e))

    6.      Uffiċjali — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għal suċċess — Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni — Bdil fl-avviż ta’ kompetizzjoni wara li saru t-testijiet ta’ ammissjoni li għandu l-effett li jnaqqas il-probabbiltajiet ta’ suċċess tal-kandidati li qed jipparteċipaw fl-imsemmija kompetizzjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 1(1)(e))

    7.      Uffiċjali — Prinċipji — Proporzjonalità — Portata — Invokazzjoni bħala ġustifikazzjoni ta’ miżura li tikser il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi — Esklużjoni

    1.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament li jirrigwarda deċiżjoni ta’ bord tal-għażla, ibbażat fuq avviż ta’ kompetizzjoni mibdul wara li saru t-testijiet ta’ ammissjoni b’rettifika, li ma taċċettax lir-rikorrent għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, dan tal-aħħar ma għandux interess ġuridiku jekk jirriżulta li, anki fl-assenza tar-rettifika, huwa ma kienx ser jiġi aċċettat għall-kumplament tal-kompetizzjoni.

    Madankollu, ikun mod ieħor meta ma jintweriex kif meħtieġ mil-liġi li r-rikorrent ma kienx ser jiġi aċċettat għall-istadju segwenti tal-kompetizzjoni u li l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent ma hijiex għalhekk stabbilita b’ċertezza.

    (ara l-punti 29, 31 u 32)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Novembru 2004, Vega Rodríguez vs Il‑Kummissjoni, T-285/02 u T-395/02, punti 25 u 27

    2.      Fid-dawl tan-natura kumplessa tal-proċedura ta’ reklutaġġ li hija magħmula minn suċċessjoni ta’ deċiżjonijiet strettament marbuta, rikorrent għandu d-dritt li jibbenefika minn irregolaritajiet li seħħew matul l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni, inkluż dawk li l-oriġini tagħhom tista’ tinsab fit-test stess tal-avviż ta’ kompetizzjoni, fl-okkażjoni ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni individwali sussegwenti, bħal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni

    (ara l-punt 38)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il‑Kummissjoni, T‑60/92, punt 23

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ April 2011, Clarke et vs UASI, F-82/08, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata

    3.      L-introduzzjoni ta’ ilment li għandu jitressaq qabel hija obbligatorja meta l-awtur tal-att ikkontestat hija l-Awtorità tal-Ħatra iżda fakultattiva meta l-att ikun ġie adottat mill-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni.

    Fir-rigward ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni li ma tinkludix lir-rikorrent fil-lista tal-kandidati li kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni, huwa permess li r-rikorrent jadixxi direttament lill-qorti tal-Unjoni, mingħajr ilment li għandu jitressaq qabel u dan anki jekk jikkontesta element definit fl-avviż ta’ kompetizzjoni jew fir-rettifika tiegħu.

    Barra minn hekk, il-fatt li deċiżjoni ta’ bord tal-għażla hija bbażata fuq avviż ta’ kompetizzjoni li ġie emendat b’rettifika wara l-iżvolġiment tat-testijiet ta’ ammissjoni ma għandux l-effett li jċaħħad lill-kandidat imċaħħad mid-dritt tiegħu li jippreżenta rikors direttament kontra d-deċiżjoni tal-bord tal-għażla.

    (ara l-punti 39 sa 41)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Noonan vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ottubru 2010, Vicente Carbajosa et vs Il-Kummissjoni, F-77/08, punti 27 sa 31 u 35 sa 37

    4.      Il-proċedura ta’ ilment amministrattiv ma tagħmilx sens meta l-oġġezzjonijiet ikunu diretti kontra d-deċiżjonijiet ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni, peress li l-Awtorità tal-Ħatra ma jkollhiex motivi biex tirriforma dawn l-aħħar deċiżjonijiet, b’mod li r-rimedju ġudizzjarju miftuħ fil-konfront ta’ deċiżjoni ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jikkonsisti normalment fit-tressiq ta’ kawża direttament lill-qorti tal-Unjoni.

    F’dan ir-rigward, la mir-Regolamenti tal-Persunal u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li kandidat f’kompetizzjoni li jkun madankollu ddeċieda li jadixxi lill-imsemmija awtorità b’ilment kontra deċiżjoni ta’ bord tal-għażla huwa prekluż milli jadixxi direttament lill-qorti mingħajr ma jistenna d-deċiżjoni fuq l-ilment. Kuntrarjament, meta kandidat jindirizza, fil-forma ta’ ilment amministrattiv, lill-Awtorità tal-Ħatra, tali azzjoni, irrispettivament mis-sinjifikattiv legali tagħha, ma jistax ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad lill-kandidat mid-dritt tiegħu li jadixxi direttament lill-qorti. Għalhekk, fil-każ li fil-kundizzjonijiet stabbiliti kandidat ta’ kompetizzjoni jiddeċiedi li jadixxi direttament lill-qorti, din tal-aħħar għandha tiddetermina jekk ir-rikors ġiex ippreżentat fit-terminu ta’ tliet xhur u għaxart ijiem min-notifika lir-rikorrent tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju.

    (ara l-punti 44, 46 sa 48)

    Referenza:

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 20 ta’ Ġunju 2012, Cristina vs Il‑Kummissjoni, F‑66/11, punti 37, 40 u 41, u l-ġurisprudenza ċċitata

    5.      Il-bdil tar-regoli dwar il-valur tat-testijiet previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni huwa ta’ natura li jaffettwa l-probabbiltajiet tal-persuna kkonċernata li tiġi inkluża fil-lista tal-kandidati aċċettati fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, sa fejn tali bdil jista’ jkollu l-effett li jżid in-numru ta’ kandidati li kisbu l-marka minima fit-testijiet, u b’hekk inaqqas il-probabbiltajiet li huwa jkun jinsab fost l-aħjar kandidati. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ rettifika tal-avviż ta’ kompetizzjoni wara li saru t-testijiet ta’ ammissjoni ma tosservax l-iżgurar li ngħatalu mill-avviż ta’ kompetizzjoni u, għalhekk, tikser il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    Fil-fatt, il-provi ta’ natura komparattiva huma minnhom stess eżamijiet li fihom il-prestazzjonijiet ta’ kull kandidat huma evalwati abbażi tal-prestazzjonijiet tal-oħrajn, b’mod li n-numru ta’ kandidati aċċettati jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-bord tal-għażla fuq il-kandidati. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriflettu l-ġudizzju ta’ valur li jikkonċerna l-prestazzjoni ta’ kandidat meta mqabbel mal-prestazzjoni ta’ kandidati oħra. Minn dan isegwi li iktar ma jkun kbir in-numru ta’ kandidati f’dan it-tip ta’ eżamijiet, iktar huwa importanti l-livell ta’ rekwiżiti tal-bord tal-għażla fir-rigward tal-kandidati.

    (ara l-punti 71, 72, 75 u 89)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T‑24/01, punt 57

    6.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Issa, għalkemm, bħala regola ġenerali, dan il-prinċipju jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tressaq il-punt ta’ tluq għal data wara l-pubblikazzjoni tiegħu, japplika mod ieħor, b’mod eċċezzjonali, meta l-għan li għandu jintlaħaq jeżiġi hekk u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati. Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti fil-każ ta’ rettifika f’avviż ta’ kompetizzjoni li temenda l-valur tat-testijiet ta’ ammissjoni għall-imsemmi kompetizzjoni wara l-iżvolġiment tagħhom.

    B’mod ċert, meta l-Awtorità tal-Ħatra tiskopri, wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, li l-kundizzjonijiet meħtieġa kienu iktar stretti minn kif meħtieġ għall-ħtiġijiet tas-servizz, hija tista’ jew tkompli l-proċedura billi tirrekluta, jekk ikun meħtieġ, numru ta’ kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni li jkun inqas minn dak inizjalment previst, jew tibda mill-ġdid il-proċedura ta’ kompetizzjoni billi tirtira l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali u tissostitwixxih b’avviż ikkoreġut. Madankollu, l-adozzjoni ta’ rettifika tal-avviż ta’ kompetizzjoni wara li jkunu saru ċerti eżamijiet ma jistax jitqies li huwa ekwivalenti għal dawn is-soluzzjonijiet.

    (ara l-punti 76 sa 78, 81 u 82)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il‑Kummissjoni, C‑199/03, punt 69

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 2 ta’ Ottubru 1996, Vecchi vs Il-Kummissjoni, T‑356/94, punt 56

    It-Tribunal tal-Unjoni Ewropea: 10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata

    7.      Abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità ta’ miżura meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik l-inqas vinkolanti u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex. Madankollu, kunsiderazzjonijiet marbuta mal-proporzjonalità ta’ miżura ma jistgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ att li jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħal pereżempju l-bdil tal-avviż ta’ kompetizzjoni wara li jkunu saru t-testijiet ta’ ammissjoni, peress li l-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika biss meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa.

    (ara l-punt 88)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Ottubru 2004, Schumann vs Il‑Kummissjoni, T‑49/03, punt 52

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Settembru 2010, Torijano Montero vs Il-Kunsill, F‑76/05, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata

    Top