Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011FJ0010

    Sommarju tas-sentenza

    SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

    (L-Ewwel Awla)

    20 ta’ Novembru 2012

    Kawża F‑10/11

    Dorina Maria Ghiba

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Servizz pubbliku — Kompetizzjoni interna — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni — Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà — Kunċett ta’ dipartimenti marbuta mal-Kummissjoni”

    Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. M. Ghiba titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/INT/EU2/10/AST 3 li tiċħad il-kandidatura tagħha minħabba li ma kinitx tissodisfa ċerti kundizzjonijiet meħtieġa għall-eliġibbiltà.

    Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

    Sommarju

    Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjonijiet interni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Appartenenza fil-persunal tal-Kummissjoni jew f’dipartiment marbut mal-Kummissjoni — Kandidat li huwa parti mill-persunal ta’ aġenzija eżekuttiva — Esklużjoni

    (Artikolu 308 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 58/2003, premessa 19 u l-Artikoli 9(1) u (5), 11(6) u 18)

    Aġenzija eżekuttiva, bħalma hija l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (AER), ma tistax titqies bħala dipartiment marbut mal-Kummissjoni. Għaldaqstant, kandidat għal kompetizzjoni interna fi ħdan il-Kummissjoni ma jistax jitqies, fil-kwalità tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-AER, li huwa parti mill-persunal tal-Kummissjoni jew tad-dipartimenti marbuta magħha.

    Fil-fatt, is-setgħa tal-Kummissjoni li toħloq u torganizza d-dipartimenti tagħha ma hijiex estiża għall-aġenzija eżekuttivi. Huwa minnu li l-kompetenza li tistabbilixxi aġenziji eżekuttivi inkwantu entitajiet legali distinti ngħatat lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 308 KE. Madankollu, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 58/2003, li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità, jipprovdi li l-kumitat tat-tmexxija tal-aġenzija eżekuttiva għandu jadotta r-regoli interni tiegħu. Minkejja li l-Kummissjoni tipprovdi u torganizza d-dipartimenti tagħha, huwa min-naħa l-oħra l-kumitat tat-tmexxija tal-aġenzija eżekuttiva, skont l-Artikolu 9(5) imsemmi hawn fuq, li għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni tad-dipartimenti tal-aġenzija eżekuttiva.


    F’dan ir-rigward, il-premessa 19 tar-Regolament Nru 58/2003 tistabbilixxi distinzjoni ċara bejn, minn naħa, id-dipartimenti tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-aġenziji eżekuttivi. Imbagħad, f’dak li jirrigwarda l-persunal tal-aġenzija eżekuttiva, mill-Artikolu 11(6) tal-imsemmi regolament jirriżulta li d-direttur tal-aġenzija eżekuttiva għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-aġenzija eżekuttiva, is-setgħat tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, li jirriżultaw mill-iskema applikabbli għall-membri tal-oħra tal-persunal tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-persunal tal-aġenzija eżekuttiva huwa kompost, fost l-oħrajn, minn membri tal-persunal temporanju u minn membri oħra tal-persunal, irreklutati direttament mill-aġenzija.

    (ara l-punti 34, 36 sa 40, 43 u 44)

    Referenza:

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, punti 35 u 43

    Top