Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TO0268

    Sommarju tad-digriet

    Keywords
    Summary

    Keywords

    Rikors għal annullament — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Att li ġie ppubblikat biss fuq l-internet — Inapplikabbiltà tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

    (is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263, TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 101(1) u 102(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57 u 59)

    Summary

    Għalkemm skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorsi previsti f’dak l-artikolu għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar il-mod ta’ pubblikazzjoni prevista minnha u ma tillimitax il-pubblikazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni għal ċerti mezzi ta’ pubblikazzjoni. Għaldaqstant il-pubblikazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tirreferi biss għal pubblikazzjoni fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Fir-rigward ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), u li tinkludi l-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi identifikati bil-ħsieb ta’ inklużjoni eventwali fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, dan it-terminu ta’ xahrejn ma għandux jibda jiddekorri minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. L-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprevedi tali regola, japplika biss, skont il-kliem tiegħu, għal atti ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ma jistax jiġi applikat, lil hinn mill-kliem tiegħu, għal atti ppubblikati b’mod ieħor, bħall-imsemmija deċiżjoni tal-ECHA, li fir-rigward tagħhom ir-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi biss pubblikazzjoni fuq l-internet.

    Peress li, konsegwentement, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra tali deċiżjoni jibda jiddekorri skont l-Artikolu 101(1) tal-imsemmi regolament u li, b’kont meħud tat-terminu ta’ distanza ta’ għaxart ijiem, it-terminu previst minn din id-dispożizzjoni kien skada fid-data tal-preżentata tiegħu, ir-rikors għandu jiġi kklassifikat bħala tardiv u għandu jinċaħad bħala inammissibbli.

    (ara l-punti 30, 32-34, 39, 40, 43)

    Top