Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0507

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Pożizzjoni legali tal-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali — Deċiżjoni Qafas 2001/220 — Vittma li tkun partikolarment vulnerabbli — Kunċett — Minuri ta’ età żgħira, allegatament vittmi ta’ atti ta’ natura sesswali — Inklużjoni

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220, Artikoli 2(2) u 8(4))

2. Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Pożizzjoni legali tal-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali — Deċiżjoni Qafas 2001/220 — Protezzjoni tal-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli — Metodi

(Artikolu 34 UE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220, Artikoli 2, 3 u 8)

Summary

1. Minkejja li d-Deċiżjoni Qafas 2001/220, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ vulnerabbiltà tal-vittma, fis-sens tal-Artikoli 2(2) u 8(4) tagħha, ma jistax jiġi kkontestat li meta minuri ta’ età żgħira jallegaw li kienu vittmi, ripetutament, ta’ atti ta’ natura sesswali minn missierhom, dawn il-minuri jistgħu manifestament jikkwalifikaw bħala tali fid-dawl b’mod partikolari tal-età tagħhom, kif ukoll tan-natura, tal-gravità u l-konsegwenzi tal-ksur li huma jsostnu li kienu vittma tagħhom, bil-għan illi jibbenefikaw mill-protezzjoni speċifika meħtieġa mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas iċċitati iktar ’il fuq.

(ara l-punt 26)

2. L-Artikoli 2, 3 u 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li, minn naħa, ma jipprovdux l-obbligu fuq il-prosekutur pubbliku li jitlob lill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża sabiex hija tippermetti lill-vittma li tkun partikolarment vulnerabbli li tinstema’ u li tagħmel depożizzjoni skont il-modalitajiet tal-ġbir tal-provi waqt l-istruttorja matul il-fażi ta’ investigazzjoni tal-proċeduri kriminali, u, min-naħa l-oħra, ma jawtorizzawx lill-imsemmija vittma tappella quddiem qorti mid-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li jiċħad it-talba tagħha li tinstema’ u li tagħmel dikjarazzjoni skont l-imsemmija modalitajiet.

Fil-fatt, l-ebda waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas ma tipprovdi l-modalitajiet konkreti ta’ implementazzjoni tal-għanijiet li huma jsemmu. Fin-nuqqas ta’ iktar dettalji ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u fid-dawl tal-Artikolu 34 UE, għandu jiġi rrikonoxxut li d-Deċiżjoni Qafas tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ dawn il-modalitajiet.

F’dan ir-rigward, il-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, huwa l-prosekutur pubbliku li għandu jiddeċiedi jekk iressaqx quddiem il-qorti kompetenti t-talba tal-vittma sabiex titwettaq il-proċedura ta’ ġbir tal-provi jista’ jitqies li jsegwi l-loġika ta’ sistema fejn il-prosekutur pubbliku jikkostitwixxi organu ġudizzjarju inkarigat bl-eżerċizzju tal-azzjoni kriminali. Madankollu, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, f’kull każ, jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ proċedura bħal din ma tirrendix il-proċedura kriminali, meta meqjusa fl-intier tagħha, inġusta.

Barra minn hekk, sabiex jiġi ggarantit li l-vittma tkun effettivament tista’ tieħu sehem fil-proċeduri kriminali b’mod xieraq, id-dritt għal smigħ għandu jtiha, minbarra l-possibbiltà li tiddeskrivi b’mod oġġettiv kif seħħew il-fatti, iċ-ċans li tesprimi l-perspettiva tagħha. Madankollu, la d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jiggarantixxu lill-vittma ta’ reat kriminali dritt li jipprovoka twettiq ta’ prosekuzzjoni kriminali kontra terz sabiex jiġi kkundannat.

(ara l-punti 27, 28, 33, 37, 38, 42-44 u d-dispożittiv)

Top