EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0497

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ tal-wild

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 8, 10 u 13)

2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijieti ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Deċiżjoni definittiva ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiċħad, bis-saħħa tal-konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980, talba għar-ritorn immedjat ta’ wild fi Stat Membru ieħor — Effett fuq id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu sussegwentement f’dan l-Istat Membru l-ieħor fuq l-azzjonijiet imressqa sadanittant u li għadhom dejjem pendenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 19)

3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Lis pendens

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 19)

Summary

1. Il-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 10 tar‑Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li din ir-residenza tikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari. Għal dan il‑għan, u meta tqum il-kwistjoni li tirrigwarda tarbija li tgħix ma ommha wara biss xi ftit jiem fi Stat Membru barra dak tar-residenza abitwali tagħha, li ġiet imċaqalqa fih, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minn naħa, it-tul, ir-regolarità, il‑kundizzjonijiet u r-raġunijiet tas-soġġorn fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u taċ-ċaqliq tal-omm lejn l-imsemmi Stat, u, min-naħa l-oħra, minħabba b’mod partikolari l-età tal-wild, l-oriġini ġeografiċi u familjari tal-omm kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali li hija u l‑wild kellhom f’dan l-istess Stat Membru. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

Jekk l-applikazzjoni tal-kriterji twassal għall-konklużjoni li r-residenza abitwali tal-wild ma tistax tiġi stabbilita, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-kriterju ta’ “fejn il-minuri huma preżenti” fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2201/2003.

(ara l-punti 56, 57 u d-dispożittiv 1)

2. Deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiċħad, bis-saħħa tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, dwar l-Aspetti Ċivili dwar il‑Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, talba għar-ritorn immedjat ta’ wild fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, ma taffettwax id-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw f’dan l-Istat l-ieħor fuq l-azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li sadanittant ikunu tressqu u li jkunu għadhom pendenti.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, sentenza bħal din, anki jekk tkun saret definittiva, ma taffettwax il-mertu tad-dritt ta’ kustodja.

(ara l-punti 65, 66, 71 u d-dispożittiv 2)

3. Deċiżjoni mhux definittiva ta’ qorti fi Stat Membru dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild ma taffettwax id-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw f’dan l-Istat l-ieħor fuq l-azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li sadanittant ikunu tressqu u li jkunu għadhom pendenti.

Fil-fatt, fil-każ ta’ kunflitt bħal dan bejn żewġt iqrati ta’ Stati Membri differenti, li quddiemhom ikunu tressqu, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, azzjonijiet dwar ir‑responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild, li għandhom l-istess suġġett u l‑istess bażi ġuridika, l-Artikolu 19(2) tal-imsemmi Regolament għandu jkun applikabbli. Bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, il-qorti li tintalab it-tieni għandha tissospendi d‑deċiżjoni tagħha sakemm il-ġurisdizzjoni tal-qorti, li tkun intalbet l‑ewwel tiġi stabbilita u għandaqstant ma tkunx tieħu deċiżjoni dwar talba li tagħha tkun ħadet konjizzjoni.

(ara l-punti 68, 69, 71)

Top