EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0296

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fid-dritt ta’ kustodja — Lis alibi pendens

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 19(2) u 20)

2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fid-dritt ta’ kustodja — Lis alibi pendens

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 19(2))

3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fid-dritt ta’ kustodja — Lis alibi pendens

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 19(2))

Summary

1. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r‑Regolament Nru 1347/2000, ma humiex applikabbli fejn kawża li titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru sabiex jinkisbu miżuri fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tkun tressqet quddiemha biss sabiex tiddeċiedi dwar miżuri provviżorji skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament u li sussegwentement titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fis-sens tal-istess regolament, talba għall-għoti tal‑istess miżuri, kemm jekk temporanji jew definittivi.

Fil-fatt, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni li tikkonferixxi ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. Barra minn dan, l-applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni ma għandhiex tipprevjeni t-tressiq ta’ kawża quddiem il‑qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. L‑Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament jipprevjeni kull riskju ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti bejn deċiżjoni li tagħti miżuri provviżorji fis-sens tal‑Artikolu 20 u deċiżjoni adottata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu billi tipprovdi li l-miżuri provviżorji fis-sens ta’ dan l-Artikolu 20(1), jieqfu milli jkollhom effett meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tkun ħadet il-miżuri li hija tikkunsidra xierqa.

(ara l-punti 70, 71, 86 u d-dispożittiv)

2. Il-fatt li titressaq kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, b’mod partikolari għall-finijiet tad-dritt ta’ kustodja ta’ wild, jew li tittieħed deċiżjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura u li minn ebda element tat-talba mressqa jew tad-deċiżjoni adottata ma jirriżulta li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża għal miżuri provviżorji għandha ġurisdizzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r‑Regolament Nru 1347/2000, ma jwassalx neċessarjament għall-esklużjoni tal-eżistenza, hekk kif jista’ eventwalment jawtorizza d-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, ta’ talba li fil-mertu hija relatata mat-talba għal miżuri provviżorji u li fiha elementi li jindikaw li l-qorti li quddiemha tressqet il‑kawża għandha ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament.

F’tali kuntest, hija t-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha li għandha tivverifika jekk, id-deċiżjoni tal-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha, li tagħti miżuri provviżorji, kienet biss deċiżjoni li għandha twassal għal deċiżjoni sussegwenti adottata fid-dawl ta’ għarfien aħjar tal‑kawża u f’ċirkustanzi li ma jkunux iktar ikkaratterizzati minn urġenza għal deċiżjoni. It-tieni qorti li tressqet talba quddiemha għandha għalhekk tivverifika wkoll jekk teżistix unità proċedurali bejn it-talba li kienet is‑suġġett tal-miżuri provviżorji u talba mressqa sussegwentement.

(ara l-punti 80, 86 u d-dispożittiv)

3. Meta, minkejja l-isforzi mwettqa mit-tieni qorti li quddiemha tressqet il‑kawża sabiex tikseb tagħrif mill-parti li titlob il- lis alibi pendens , mill‑ewwel qorti li quddiemha tressqet il-kawża u mill-awtorità ċentrali, it‑tieni qorti ma għandha l-ebda element li jippermetti li jiġi ddeterminat li s-suġġett u l-bażi ġuridika ta’ talba mressqa quddiem qorti oħra u intiża sabiex, b’mod partikolari, tindika l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti skont ir‑Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, u li minħabba f’ċirkustanzi partikolari, l-interess tal-wild jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni suxxettibbli li tiġi rikonoxxuta fi Stati Membri oħra minbarra dak tat-tieni qorti li quddiemha tressqet il-kawża, huwa għal din l-aħħar qorti li wara perijodu raġonevoli ta’ stennija għar-risposti għad-domandi magħmula, tkompli tikkunsidra t-talba mressqa quddiemha. It-tul ta’ dan il‑perijodu raġonevoli għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal‑wild fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża inkwistjoni.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu l-għan, fl-aqwa interessi tal-wild, li jippermetti lill-qorti li hija l‑eqreb tiegħu, u li għalhekk hija l‑iktar waħda li taf tajjeb is-sitwazzjoni tiegħu u l-istat tal-iżvilupp tiegħu, li tieħu d‑deċiżjonijiet meħtieġa.

(ara l-punti 82-84, 86 u d-dispożittiv)

Top