Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0294

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Kumpens u assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira — Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens fil-każ ta’ ċirkustanzi straordinarji — Implementazzjoni, mit-trasportatur tal-ajru, tal-miżuri kollha raġonevoli sabiex jipprevjeni ċirkustanzi straordinarji

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 5(3) u 6(1))

    Summary

    l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru, peress li huwa obbligat li jimplementa l-miżuri kollha raġonevoli sabiex jipprevjeni ċirkustanzi straordinarji, għandu b’mod raġonevoli, fl-istadju tal-ippjanar tat-titjira, jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ dewmien marbut mal-eventwali fatt li jseħħu tali. Konsegwentement, huwa għandu jipprevedi ċerta riżerva ta’ żmien li tippermettilu, jekk possibbli, li jopera t-titjira kollha kemm la darba ċ-ċirkustanzi straordinarji jintemmu. L-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-miżuri meħuda sabiex tiġi kkostitwita riżerva ta’ żmien ta’ natura li tevita, jekk possibbli, li d-dewmien jirriżulta minn ċirkustanzi straordinarji ma jwassalx għall-kanċellazzjoni tat-titjira, għandha ssir mhux fir-rigward tad-dewmien ikkonstatat meta mqabbel mal-ħin skedat għat-tluq tal-ajruplan, iżda billi jittieħdu ċ-ċirkustanzi li jistgħu jeżistu fit-tmiem tat-titjira operata f’kundizzjonijiet ġodda li jirriżultaw mill-fatt li seħħew ċirkustanzi straordinarji. Konsegwentement, din l-evalwaazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn ir-riskji sekondarji, sa fejn l-elementi kostituttivi tagħhom huma prevedibbli u kalkolabbli.

    Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li timponi, skont miżuri raġonevoli, li tiġi ppjanata, b’mod ġenerali u indifferenzjat, riżerva ta’ żmien minima applikabbli indistintivament għat-trasportaturi tal-ajru kollha fis-sitwazzjonijiet kollha meta jseħħu ċirkustanzi straordinarji. L-evalwazzjoni tal-kapaċità tat-trasportatur tal-ajru li jiżgura t-titjira skedata kollha kemm hi fil-kundizzjonijiet ġodda li jirriżultaw mill-fatt li jseħħu dawn iċ-ċirkustanzi għandha ssir filwaqt li jiġi żgurat li t-tul tar-riżerva ta’ żmien rikjesta ma jkollhiex il-konsegwenza li twassal it-trasportatur tal-ajru li jġarrab sagrifiċċji intollerabbli fir-rigward ta’ kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti.

    L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament ma japplikax fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-miżuri meħuda, għat-trasportatur tal-ajru, sabiex tiġi kkostitwita riżerva ta’ ħin sabiex tiġi operata t-titjira kollha kemm hi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija relattiva għall-kategoriji differenti ta’ “dewmien” imputabbli għat-trasportatur tal-ajru li ma humiex marbutin mal-fatt li jseħħu ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġi evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli ttieħdu.

    (ara l-punti 32, 34, 36, 37 u d-dispożittiv)

    Top