Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0275

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kompetenzi u ġurisdizzjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-qrati nazzjonali — Rwol tal-qrati nazzjonali

    (Artikolu 88(3) KE)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti — Obbligi tal-qrati nazzjonali

    (Artikolu 88(3) KE)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti — Obbligi u setgħat tal-qrati nazzjonali

    (Artikolu 88(3) KE)

    Summary

    1. L-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, kif tirriżulta mill-Artikolu 88 KE u mill-ġurisprudenza relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija r-responsabbiltà, minn naħa, tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli distinti iżda komplementari. Fil-fatt, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati Komunitarji, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 88(3) KE.

    Miżura ta’ għajnuna implementata bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 88(3) KE hija illegali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tislet il-konsegwenzi, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti li jdaħħlu fis-seħħ miżuri ta’ għajnuna, kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

    (ara l-punti 25-29)

    2. Il-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ għajnuna hija t-tneħħija tagħha permezz tal-irkupru sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti. Fil-fatt, bir-rimbors tal-għajnuna, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kellu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u b’dan il-mod terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għoti tal-għajnuna. Sabiex isir dan ir-rimbors, huwa essenzjali li l-qrati nazzjonali jidentifikaw il-benefiċjarju jew, jekk ikun il-każ, il-benefiċjarji tal-għajnuna.

    Meta tingħata għajnuna taħt forma ta’ garanzija, il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna jistgħu jkunu jew min jissellef, jew min isellef jew, f’ċerti każijiet, it-tnejn li huma flimkien. Fil-fatt, meta s-self mogħti minn istitut ta’ kreditu lil min jissellef jiġi ggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, min isellef normalment jikseb vantaġġ finanzjarju u jibbenefika b’hekk minn għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, sa fejn l-ispiża finanzjarja li jsostni tkun inferjuri għal dak li kien isostni li kieku kien ikollu jikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija bil-prezzijiet tas-suq.

    Madankollu, min isellef jista’ wkoll jikseb profitt ekonomiku mill-garanzija inkwistjoni, b’mod partikolari meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż a priori li l-garanzija ngħatat għall-bżonnijiet ta’ kreditu eżistenti ta’ min isellef, u dan fil-kuntest tal-ġestjoni tad-dejn ta’ min jissellef. Li kieku dan kellu jkun il-każ, min isellef ikun kiseb, permezz tal-imsemmija garanzija, vantaġġ ekonomiku għalih innifsu, sa fejn il-kreditu tiegħu jkun sar iktar ċert minħabba l-garanzija għalih mill-awtorità pubblika, barra minn hekk mingħajr ma l-kundizzjonijiet tas-self iggarantit ikunu ġew adattati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet kollha tal-każ inkwistjoni, il-benefiċjarju jew, jekk ikun il-każ, il-benefiċjarji ta’ din il-garanzija, u tirkupra l-ammont globali tal-għajnuna inkwistjoni.

    (ara l-punti 33, 34, 37, 39, 40, 42, 43)

    3. Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, f’dak li jirrigwarda l-irkupru ta’ għajnuna illegali mogħtija taħt forma ta’ garanzija mogħtija minn awtorità pubblika sabiex tkopri self mogħti minn kumpannija finanzjarja lil impriża li ma kinitx tista’ tikseb tali finanzjament taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, id-dritt tal-Unjoni ma jimponi l-ebda konsegwenza speċifika li l-qrati nazzjonali għandhom obbligatorjament jisiltu fir-rigward tal-validità tal-atti relatati mal-eżekuzzjoni tal-għajnuna.

    Madankollu, l-għan tal-miżuri li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jadottaw fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 88(3) KE, intiżi essenzjalment sabiex terġa’ tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ qabel il-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni, dawn tal-aħħar għandhom jiżguraw ruħhom li l-miżuri li huma jadottaw fir-rigward tal-validità ta’ dawn l-atti jippermettu li jintlaħaq tali għan. B’hekk, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk, f’każ partikolari, l-annullament tal-garanzija jistax, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tat-tilwima mressqa quddiemha, jirriżulta iktar effikaċi minn miżuri oħra bil-għan li jintlaħaq tali stabbiliment mill-ġdid. Fil-fatt, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom l-annullament ta’ kuntratt, sa fejn dan jista’ jagħti lok għar-restituzzjoni reċiproka tas-servizzi eżegwiti mill-partijiet jew it-tneħħija ta’ vantaġġ għall-futur, jista’ jkun iktar effikaċi sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ qabel l-għoti tal-għajnuna.

    Konsegwentement, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qrati nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jannullaw garanzija f’sitwazzjoni li fiha għajnuna illegali tkun ġiet eżegwita permezz ta’ garanzija mogħtija minn awtorità pubblika sabiex tkopri self mogħti minn kumpannija finanzjarja favur impriża li ma tkunx setgħet tikseb tali finanzjament f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, l-imsemmija qrati għandhom jiżguraw l-irkupru tal-għajnuna u, għal dan il-għan, huma jistgħu jannullaw il-garanzija b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ miżuri proċedurali inqas vinkolanti, dan l-annullament ikun tali li jagħti lok jew jiffaċilita li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ qabel l-għoti ta’ din il-garanzija.

    (ara l-punti 44-49 u d-dispożittiv)

    Top