EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0188

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Stħarriġ tal-validità ta’ att tal-Unjoni — Qorti nazzjonali kkonfrontata bl-allegata antikostituzzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi direttiva — Obbligu ta’ rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel il-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità tal-imsemmija leġiżlazzjoni — Portata

(Artikolu 267 TFUE)

2. Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Kompetenzi tal-qrati nazzjonali — Eżami tal-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għan-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 267 TFUE)

3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Kodiċi Komunitarju dwar il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera — Tneħħija tal-kontroll fil-fruntieri interni — Kontrolli ġewwa t-territorju

(Artikolu 67 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 562/2006, Artikoli 20 u 21)

Summary

1. In-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ liġi nazzjonali li l-kontenut tagħha sempliċement jittrasponi d-dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ direttiva tal-Unjoni ma tistax tippreġudika l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni, u b’mod partikolari ta’ direttiva, ġurisdizzjoni li għandha l-għan li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali billi tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

Fil-fatt, sa fejn in-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità twassal għall-abrogazzjoni ta’ liġi nazzjonali li sempliċiment tittrasponi d-dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ direttiva tal-Unjoni minħabba li tkun kuntrarja għall-kostituzzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-prattika, tiġi mċaħħda, fuq talba tal-qrati fil-mertu tal-Istat Membru kkonċernat, mill-possibbiltà li twettaq stħarriġ tal-validità tal-imsemmija direttiva meta mqabbla mal-istess motivi dwar ir-rekwiżiti tad-dritt primarju, u b’mod partikolari tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li skont l-Artikolu 6 TFUE għandha l-istess valur legali bħal dak rikonoxxut lit-Trattati.

Qabel ma l-istħarriġ inċidentali ta’ kostituzzjonalità ta’ liġi li l-kontenut tagħha sempliċiment jittrasponi d-dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ direttiva tal-Unjoni jkun jista’ jsir fil-konfront tal-istess motivi kontra l-validità tad-direttiva, il-qrati nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati fid-dritt intern, għandhom, bħala regola, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità ta’ din id-direttiva u, sussegwentement, jisiltu l-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm il-qorti responsabbli mill-istħarriġ inċidentali ta’ kostituzzjonalità ma tkunx hija stess għamlet din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tat-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu. Fil-fatt, fir-rigward ta’ liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni b’tali kontenut, il-kwistjoni dwar jekk id-direttiva hijiex valida, għandha, fid-dawl tal-obbligu li tiġi trasposta, natura preliminari. Barra minn hekk, il-limitazzjoni b’terminu strett tat-tul tal-eżami mill-qrati nazzjonali ma tistax twaqqaf ir-rinviju preliminari dwar il-validità tad-direttiva inkwistjoni.

(ara l-punti 54-56)

2. L-Artikolu 267 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet nazzjonali, sakemm in-natura prijoritarja ta’ din il-proċedura jkollha l-konsegwenza li ċċaħħad, kemm qabel it-trażmissjoni ta’ kwistjoni ta’ kostituzzjonalità lill-qorti nazzjonali responsabbli milli teżerċita l-istħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet, kif ukoll, jekk ikun il-każ, wara d-deċiżjoni ta’ din il-qorti dwar l-imsemmija kwistjoni, lill-qrati nazzjonali kollha jew li jeżerċitaw il-possibbiltà tagħhom jew li jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm il-qrati nazzjonali l-oħra jibqgħu ħielsa:

- li, fi kwalunkwe mument tal-proċedura li huma jqisu xieraq u anki fi tmiem il-proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità, jagħmlu kwalunkwe domanda preliminari li jqisu neċessarja lill-Qorti tal-Ġustizzja,

- li jadottaw kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni, u

- li ma japplikawx, fi tmiem tali proċedura inċidentali, id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali inkwistjoni jekk iqisuha kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata skont dawn l-eżiġenzi tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punt 57 u d-dispożittiv 1)

3. L-Artikolu 67(2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat il-kompetenza li jikkontrollaw, f’żona ta’ 20 kilometru biss li tibda mill-fruntiera terrestri ta’ dan l-Istat mal-Istati partijiet fil-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen, l-identità ta’ kwalunkwe persuna, indipendentement mill-aġir tagħha u miċ-ċirkustanzi partikolari li joħolqu riskju ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku, sabiex issir verifika tal-osservanza tal-obbligi taż-żamma, ta’ pussess u ta’ preżentazzjoni tat-titoli u tad-dokumenti previsti mil-liġi, mingħajr ma jiġi previst il-limitu neċessarju ta’ din il-kompetenza li tiggarantixxi li l-eżerċizzju fil-prattika tal-imsemmija kompetenza ma jkollux effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri.

(ara l-punt 75 u d-dispożittiv 2)

Top