This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0139
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi — Motivi għar-rifjut — Eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat Membru ta’ oriġini — Inammissibbiltà
(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 34, 35, 43 sa 45)
L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti li quddiemha tressaq appell skont l-Artikoli 43 jew 44 ta’ dan ir-regolament tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekutorja ta’ deċiżjoni għal raġuni differenti minn dawk indikati fl-Artikoli 34 u 35 tiegħu, bħall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru tal-oriġini.
L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bl-ebda mod ma tneħħi minn din in-natura eżekutorja tagħha u lanqas ma twassal sabiex jiġu rrikonoxxuti lilha, fl-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, effetti legali li hija ma għandhiex fl-Istat Membru tal-oriġini. Min-naħa l-oħra, tali raġuni tista’ titressaq għall-evalwazzjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni tal-Istat Membru li fih saret it-talba. Fil-fatt, ladarba din id-deċiżjoni tiġi integrata fis-sistema legali tal-Istat Membru li fih saret it-talba, ir-regoli nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan l-aħħar Stat japplikaw bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet adottati mill-qrati nazzjonali.
(ara l-punti 39, 40, 43 u d-dispożittiv)