Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0104

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol — Ugwaljanza fit-trattament — Oneru tal-prova fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 97/80, Artikolu 4(1))

    2. Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol — Ugwaljanza fit-trattament

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/73, Artikolu 1(3), Direttiva tal-Kunsill 76/207, Artikolu 4)

    3. Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol — Ugwaljanza fit-trattament — Oneru tal-prova fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46 u 2002/58; Direttiva tal-Kunsill 97/80)

    4. Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Obbligu ta’ rinviju

    (Artikolu 267(3) TFUE)

    Summary

    1. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprovdix id-dritt għal kandidat għal taħriġ professjonali, li jqis li l-aċċess għal dan it-taħriġ ġie miċħud lilu minħabba l-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, għall-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-organizzatur tat-taħriġ imsemmi rigward il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għall-istess taħriġ, sabiex il-kandidat ikun jista’ jistabbilixxi “fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta”, skont l-imsemmija dispożizzjoni.

    Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li rifjut għall-informazzjoni min-naħa tal-konvenut, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ tali fatti, jista’ jirriskja li jikkomprometti t-twettiq tal-għan tad-direttiva msemmija, u għalhekk li b’mod partikolari jċaħħad lill-Artikolu 4(1) tagħha mill-effett utli tiegħu, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    (ara l-punti 38, 39 u d-dispożittiv 1)

    2. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/207, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol jew l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/73, li temenda d-Direttiva 76/207, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jagħtux id-dritt lil kandidat għal taħriġ professjonali li jaċċedi għal informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ dan it-taħriġ dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għall-istess taħriġ, jew minħabba l-fatt li dan il-kandidat iqis li ġie miċħud l-aċċess għall-imsemmi taħriġ skont l-istess kriterji bħall-kandidati l-oħra u li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, skont l-imsemmi Artikolu 4, jew minħabba li l-kandidat imsemmi jilmenta li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess skont l-imsemmi Artikolu 1(3) f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-imsemmi taħriġ professjonali.

    (ara l-punt 48 u d-dispożittiv 2)

    3. Fil-każ fejn il-kandidat għal taħriġ professjonali jista’ jinvoka d-Direttiva 97/80, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess, sabiex ikun jista’ jaċċedi għall-informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ dan it-taħriġ fir-rigward tal-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għat-taħriġ inkwistjoni, dan id-dritt għall-aċċess jista’ jiġi affettwat mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kunfidenzjalità.

    Għalhekk, meta jevalwaw jekk rifjut għal żvelar ta’ informazzjoni min-naħa tal-konvenut, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, jista’ jirriskja li jikkomprometti t-twettiq tal-għan imfittex mid-Direttiva 97/80, u għalhekk li jċaħħad b’mod partikolari lill-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva mill-effettività tiegħu, il-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet l-oħra kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar il-kunfidenzjalità li jirriżultaw mill-atti tad-dritt tal-Unjoni, bħad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u d-Direttiva 2002/58, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika). Il-protezzjoni tad-data personali hija wkoll prevista fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (ara l-punti 54-56 u d-dispożittiv 3)

    4. L-obbligu msemmi fl-Artikolu 267(3) TFUE ma huwiex differenti skont jekk l-Istat Membru kkunsidrat għandux sistema legali kontradittorja jew inkwiżitorja.

    L-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali l-fakultà u, jekk ikun il-każ, jimponi fuqhom l-obbligu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jekk huma jikkunsidraw ex officio , jew inkella fuq talba tal-partijiet, li s-sostanza tal-kwistjoni tinvolvi domanda li għandha tiġi riżolta u li tidħol fl-iskop tal-ewwel paragrafu ta’ dak l-artikolu. Minn dan jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom l-iktar fakultà estiża li jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dawn jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom toħloqx kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedu deċiżjoni min-naħa tagħhom.

    Barra minn hekk, is-sistema tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari tistrieħ fuq djalogu bejn qorti u qorti oħra, li l-ftuħ tiegħu jiddependi kollu kemm huwa fuq l-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u l-bżonn ta’ dan ir-rinviju. Għalhekk, għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni hijiex neċessarja sabiex tkun tista’ ssolvi l-kwistjoni li titressaq quddiemha, fid-dawl tal-mekkaniżmu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-istess qorti li għandha tiddeċiedi b’liema mod għandhom isiru dawn id-domandi. Għalkemm il-qorti msemmija hija libera li tistieden lill-partijiet fil-kawża mressqa quddiemha sabiex jissuġġerixxu l-formulazzjoni li tista’ tiġi adottata għad-domandi preliminari, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-qorti weħidha li tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar kemm il-forma kif ukoll il-kontenut tagħhom.

    (ara l-punti 61, 63-66 u d-dispożittiv 4)

    Top