This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0042
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi — Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi numerazzjoni għall-passaporti għal annimal domestiku, komposta minn numru uniku li jinkludi l-kodiċi ISO b’żewġ karattri tal-Istat Membru kkonċernat segwit min-numru ta’ approvazzjoni tad-distributur awtorizzat kompost minn żewġ ċifri u minn numru sussegwenti ta’ disa’ ċifri — Numerazzjoni li tiżgura n-natura unika ta’ dan in-numru ta’ identifikazzjoni — Ammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 998/2003, Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803)
2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi — Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-użu tal-passaport għall-annimal domestiku mhux biss bħala dokument għall-ivvjaġġar, iżda anki bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb fuq livell nazzjonali — Ammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 998/2003, Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803)
3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi — Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi parti waħda fil-passaport għall-annimal domestiku intiża sabiex fiha jitniżżlu l-identità u l-indirizz tal-proprjetarju tal-annimal — Bdil suċċessiv ta’ din il-parti li jsir permezz tat-twaħħil ta’ tikketti adeżivi — Inammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 998/2003, Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803)
4. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi — Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes — Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-passaport għall-annimal domestiku u relatati mal-użu tiegħu bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb, kif ukoll mal-użu ta’ tikketti adeżivi sabiex isir tibdil fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal — Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-determinazzjoni ta’ numru uniku għall-qtates u n-nemes — Klassifikazzjoni ta’ regoli tekniċi fis-sens tad-Direttiva 98/34 — Esklużjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, Artikoli 1 u 8)
1. L-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva 92/65, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803, li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi numerazzjoni għall-passaporti għall-annimal domestiku, komposta minn numru uniku li jinkludi l-kodiċi ISO b’żewġ karattri tal-Istat Membru kkonċernat segwit min-numru ta’ approvazzjoni tad-distributur awtorizzat kompost minn żewġ ċifri u minn numru sussegwenti ta’ disa’ ċifri, sa kemm din tiżgura n-natura unika ta’ dan in-numru ta’ identifikazzjoni.
(ara l-punt 52 u d-dispożittiv 1)
2. L-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva 92/65, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803, li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li b’applikazzjoni tagħha l-passaport għall-annimal domestiku jintuża mhux biss bħala dokument għall-ivvjaġġar, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda anki bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb fuq livell nazzjonali.
Fil-fatt, la l-kliem u lanqas l-għan tar-regolament u tad-deċiżjoni msemmija ma jippermettu li jiġi konkluż li l-passaport għall-annimal domestiku għandu l-funzjoni unika u esklużiva li jissodisfa l-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u li, minħabba f’hekk, l-użu ta’ dan il-passaport, fil-livell nazzjonali, għal finijiet oħra, huwa pprojbit. B’mod kuntrarju, mill-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2003/803 u mill-passaport mudell anness mad-deċiżjoni msemmija jirriżulta li dan jinkludi fih paġni li jippermettu li titniżżel informazzjoni mhux relatata mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, bħala prinċipju, l-użu ta’ dan il-passaport għal skopijiet differenti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jistax jiġi pprojbit, sa kemm dan l-użu ma jpoġġix indiskussjoni la l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 998/2003 u tad-Deċiżjoni 2003/803 u lanqas l-għan imfittex minnhom.
(ara l-punti 55-57, 65 u d-dispożittiv 2)
3. L-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva 92/65, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803, li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi parti waħda fil-passaport għall-annimal domestiku intiża sabiex fiha jitniżżlu l-identità u l-indirizz tal-proprjetarju tal-annimal, fejn il-bdil suċċessiv ta’ din il-parti jsir permezz tat-twaħħil ta’ tikketti adeżivi.
Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tikser il-ħtieġa ta’ preżentazzjoni uniformi imposta mill-passaport mudell li jidher fl-Anness I tad-deċiżjoni msemmija, li b’mod partikolari teħtieġ li l-ewwel paġna tal-passaport għall-annimal domestiku tkun tipprovdi partijiet u preżentazzjoni li tippermetti li jitniżżlu l-identità u l-indirizz ta’ tliet proprjetarji suċċessivi tal-annimal.
Barra minn hekk, it-twaħħil suċċessiv ta’ tikketti adeżivi jipprekludi l-identifikazzjoni tal-proprjetarji suċċessivi tal-annimal, minkejja li tali identifikazzjoni hija determinanti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u minkejja li, preċiżament, ir-Regolament Nru 998/2003 u d-Deċiżjoni 2003/803 intervjenew f’dan il-qasam. Bl-istess mod, dan għandu wkoll l-effett li jostakola t-trasferiment tal-annimali domestiċi barra l-Istat Membru tal-oriġini billi jimponi, f’tali każijiet, il-ħruġ ta’ passaport ġdid fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.
(ara l-punti 62-65 u d-dispożittiv 2)
4. Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-passaport għall-annimal domestiku u relatati mal-użu tiegħu bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb, kif ukoll mal-użu ta’ tikketti adeżivi sabiex isir tibdil fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal, min-naħa waħda, u dawk dwar id-determinazzjoni ta’ numru uniku għall-qtates u n-nemes, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxux regoli tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48, li għandhom, b’mod konformi mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ikunu s-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni.
Fil-fatt, il-passaporti għall-annimali domestiċi, peress li għandhom numru uniku u jidentifikaw annimal speċifiku, ma jistgħux ikunu, bħala tali, is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. B’hekk, huwa eskluż li l-passaporti msemmija jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “merkanzija”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li d-Direttiva 98/34 tapplika fil-konfront tagħhom.
(ara l-punti 69-71 u d-dispożittiv 3)