EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0011

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-11/10

Staatssecretaris van Financiën

vs

Marishipping and Transport BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Tariffa Doganali Komuni — Dazji doganali — Eżenzjoni — Sustanzi farmaċewtiċi — Kompożizzjoni — Restrizzjonijiet”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Frar 2011   I - 679

Sommarju tas-sentenza

Tariffa Doganali Komuni – Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni – Prodotti farmaċewtiċi

(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, il-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I, u l-Anness 3 tat-Tielet Parti tal-Anness I, kif emendat bir-Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 2031/2001 u Nru 1832/2002)

Il-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolamenti Nru 2031/2001 u Nru 1832/2002, rispettivament, għandu jiġi interpretat fis-sens li sustanza farmaċewtika, li tinsab fil-lista ta’ sustanzi msemmija fl-Anness 3 tat-Tielet Parti tal-istess Anness I, li kienet ġiet miżjuda b’sustanzi oħra, b’mod partikolari farmaċewtiċi, ma tistax tibbenefika iktar mill-eżenzjoni mid-dazji doganali li kienet tkun applikabbli li kieku l-imsemmija sustanza kienet fil-forma pura tagħha.

Fil-fatt, id-dispożizzjoni li tirregola l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali tistabbilixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li jipprovdi li l-prodotti importati fl-Unjoni huma, bħala regola ġenerali, suġġetti għad-dazji doganali u, peress li hija tikkostitwixxi deroga, għandha għalhekk tiġi interpretatat b’mod strett. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni espressa jew ta’ fattur ieħor li jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti l-benefiċċju tal-eżenzjoni lis-sustanzi farmaċewtiċi elenkati fl-imsemmi Anness 3 li, suġġett għal eventwali impuritajiet residwali li jinsabu f’dawn is-sustanzi, ir-Regolament Nru 2658/87 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li sustanzi farmaċewtiċi li kienu ġew miżjuda b’sustanzi oħra ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni.

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija l-iktar adatta sabiex tiggarantixxi applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament sa fejn hija tħalli marġni diskrezzjonali limitat lill-awtoritajiet doganali nazzjonali sabiex jiddeterminaw jekk sustanza hijiex jew le fil-forma pura tagħha.

(ara l-punti 16, 17, 25, 26 u d-dispożittiv)

Top