Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TJ0511

    Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni

    Kawża T‑511/09

    Niki Luftfahrt GmbH

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-Awstrija favur il-grupp Austrian Airlines — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet — Privatizzazzjoni tal-grupp Austrian Airlines — Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna — Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà”

    Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Mejju 2015

    1. Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Impossibbilta għall-konvenut li jwieġeb għall-motivi minħabba obbligu legali – Assenza ta’ effett – Ammissibbiltà

      (Artikoli 263 TFUE u 339 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

    2. Rikors għal annullament – Motivi – Possibbiltà għar-rikorrenti li jinvokaw il-motivi kollha għal annullament – Limitazzjoni unikament fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni espressa u b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Motivi bbażati fuq informazzjoni mħassra fil-verżjoni ppubblikata ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Ammissibbiltà – Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni – Assenza

      (Artikoli 263 TFUE u 339 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(1); Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 24 u 25; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2003/C 297/03)

    3. Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Motivi bbażati fuq informazzjoni miksuba b’mod irregolari – Informazzjoni diġà magħrufa minn rikorrent li ma huwiex marbut bl-osservanza tas-sigriet professjonali – Ħsara għas-sistema ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat – Assenza – Ammissibbiltà

      (Artikolu 263 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

    4. Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Raġuni distinta minn dik li tirrigwarda l-legalità fil-mertu

      (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    5. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni dwar għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà – Neċessità li jiġu esposti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni – Assenza ta’ rekwiżit ta’ motivazzjoni speċifika għal kull element imqajjem mill-partijiet interessati

      (Artikolu 87(3)(ċ) KE; Artikolu 296 TFUE)

    6. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet prefernzjali – Inklużjoni

      (Artikolu 87(1) KE)

    7. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

      (Artikolu 87(1) KE; Artikolu 263 TFUE)

    8. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

      (Artikolu 87(1) KE); Artikolu 263 TFUE)

    9. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Bejgħ ta’ impriża pubblika li bbenefikat minn għajnuna mill-Istat – Applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat – Element ta’ għajnuna inkluż fil-prezz tal-bejgħ – Vantaġġ favur ix-xerrej – Assenza

      (Artikolu 87(1) KE)

    10. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Possibbiltà li jiġu adottati linji gwida – Stħarriġ ġudizzjarju – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà

      (Artikolu 87(3)(ċ) KE); Artikolu 263 TFUE; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2004/C 244/02, punti 16 u 17)

    11. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà – Impriża f’diffikultà – Kunċett – Impriża f’diffikultà li tifforma parti minn grupp ta’ impriżi – Impriża f’diffikultà akkwistata minn grupp ta’ impriżi – Evalwazzjoni

      (Artikolu 87(3)(ċ) KE; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2004/C 244/02, punt 13)

    12. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà – Kunċett ta’ ristrutturazzjoni – Impriża f’sitwazzjoni ta’ dejn eċċessiv

      (Artikolu 87(3)(ċ) KE; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2004/C 244/02, punt 43)

    13. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà – Impriża fis-settur tat-trasport bl-ajru – Kundizzjonijiet

      (Artikolu 87(3)(ċ) KE; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2004/C 244/02, punt 38)

    14. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Setgħa diskrezzjonali – Osservanza tal-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat

      (Artikoli 43 KE, 87 KE u 88 KE)

    15. Rikors għal annullament – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett

      (Artikolu 263 TFUE)

    1.  Abbażi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Għalhekk, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.

      Issa, l-allegata impossibbiltà għall-konvenut li jirrispondi għall-argumenti tar-rikorrent minħabba obbligu legali, ma turix l-eżistenza ta’ ksur tar-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, u ma twassalx, minħabba dan il-fatt, għall-inammissibbiltà tar-rikors.

      (ara l-punti 65, 66)

    2.  Persuna fiżika jew ġuridika li, b’applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha locus standi sabiex tikkontesta att imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tista’ tinvoka mingħajr limiti l-motivi kollha msemmija fit-tieni paragrafu tal-istess artikolu.

      Konsegwentement, kull limitazzjoni tad-dritt ta’ tali rikorrent li jinvoka l-motivi għall-annullament li jidhirlu xierqa għandha, fid-dawl tal-fatt li din tkun tikkostitwixxi wkoll limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tkun prevista mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-istess karta u tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. B’mod iktar partikolari, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din għandha tkun neċessarja u tkun tissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew jekk meħtieġ ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn.

      Għal dak li jirrigwarda l-obbligu tal-Kummissjoni, previst fl-Artikolu 339 TFUE, li ma tiżvelax l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar l-impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-prezz tal-bejgħ tagħhom, liema obbligu huwa mfakkar fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprevedi espliċitament iċ-ċaħda, għaliex inammissibbli, ta’ motivi bbażati fuq elementi tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors li jkunu tħassru fil-verżjoni ta’ din id-deċiżjoni li ġiet ippubblikata u li għalihom ir-rikorrenti seta’ jkollha biss aċċess billi tikseb, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, il-verżjoni kunfidenzjali sħiħa tal-istess deċiżjoni.

      Barra minn hekk, l-obbligu li l-Kummissjoni għandha li tosserva s-sigriet professjonali ma jibqax jgħodd peress li kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-partijiet l-oħra interessati diġà jafu bl-informazzjoni inkwistjoni u li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali, quddiem il-Qorti Ġenerali, tinżamm in camera.

      (ara l-punti 67-71, 82, 83, 87, 89, 90)

    3.  Il-fatt, anki jekk jiġi preżunt stabbilit, għal rikorrent, li diġa kellu aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni mogħtija fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u li ma huwiex marbut mill-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 339 TFUE u fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat KE, li tintuża fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni informazzjoni li nkisbet b’mod irregolari mir-rikorrent, ma huwiex fost iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw li rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE jiġi miċħud għaliex inammissibbli skont l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali għar-raġuni li tali prattika tkun ta’ ħsara għas-sistema ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, sa fejn l-operaturi ekonomiċi jiġu skoraġġiti milli jafdaw lill-Kummissjoni informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

      (ara l-punti 91-96)

    4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 104, 111, 118)

    5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 105-107, 114)

    6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 122, 123)

    7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 124-126)

    8.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 127, 188)

    9.  Meta impriża li tkun ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat tiġi akkwistata bil-prezz tas-suq, jiġifieri bl-ogħla prezz li investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni kien lest li jħallas għal din il-kumpannija fis-sitwazzjoni li fiha kienet tinsab, b’mod partikolari wara li kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat, l-element ta’ għajnuna jitqies li ġie evalwat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri. Taħt tali kundizzjonijiet, ix-xerrej ma jistax jitqies li jkun ibbenefika minn xi vantaġġ fil-konfront tal-operaturi l-oħra fis-suq.

      (ara l-punti 133)

    10.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 142-149)

    11.  Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, wieħed mill-prinċipji imposti mill-punt 13 tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà, hija l-projbizzjoni, għal impriżi f’diffikultà li tifforma parti minn grupp, li tibbenefika minn għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni, meta d-diffikultajiet li minnhom għaddejja ma humiex speċifiċi għaliha u huma r-riżultat ta’ attribuzzjoni arbitrarja tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp jew meta l-grupp għandu l-mezzi sabiex isolvi huwa nnifsu dawn id-diffikultajiet. L-għan ta’ din il-projbizzjoni huwa għalhekk li grupp ta’ impriżi jiġi prekluż milli jgħaddi lill-Istat l-ispiża ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ waħda mill-impriżi li tifforma parti minnu, meta din l-impriża hija f’diffikulta u meta l-grupp innifsu huwa l-oriġini ta’ dawn id-diffikultajiet jew għandu l-mezzi sabiex jaffaċċja, waħdu, dawn id-diffikultajiet.

      F’dan il-kuntest, l-għan tal-estensjoni tal-projbizzjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni għall-impriżi f’diffikultà li ser jiġu akkwistati minn grupp huwa li jiġi evitat li grupp ta’ impriżi jevita din il-projbizzjoni billi japprofitta ruħu mill-fatt li impriża li huwa qiegħed fil-proċess li jakkwista għadha ma hijiex formalment proprjetà tiegħu fil-mument tal-ħlas tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-impriża akkwistata.

      (ara l-punti 159, 160, 171)

    12.  Ristrutturazzjoni normalment tinvolvi, fis-sens tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà, parti industrijali, li tipprevedi miżuri intiżi għar-riorganizzazzjoni u għar-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-impriża, u parti finanzjarja li tista’ tieħu l-forma, b’mod partikolari, ta’ injezzjoni ta’ kapital jew ta’ tnaqqis tad-dejn. F’dan is-sens, ristrutturazzjoni ma tistax tkun limitata għal għajnuna finanzjarja.

      Dan ma jfissirx li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha neċessarjament tiffinanzja l-miżuri adottati fil-kuntest tal-parti industrijali tar-ristrutturazzjoni. Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt 43 tal-Linji Gwida li minnu jirriżulta li l-ammont tal-għajnuna għandu jkun limitat għall-minimu tal-ispejjeż neċessarji għat-twettiq tar-ristrutturazzjoni skont id-disponibbiltajiet finanzjarji tal-impriża. Issa, fil-każ ta’ impriża li għandha ammont ta’ dejn kunsiderevoli, il-parti l-kbira tal-għajnuna għandha loġikament tiġi attribwita għat-tnaqqis tad-dejn, filwaqt li l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni industrijali għandhom jitwettqu mill-benefiċjarju tal-għajnuna permezz tal-fondi tiegħu stess kif ukoll permezz ta’ eventwali finanzjament estern miksub taħt kundizzjonijiet tas-suq.

      (ara l-punti 181, 182)

    13.  Mill-punt 38(4) tal-Linji Gwida tal-1994 dwar is-settur tal-avjazzjoni jirriżulta li r-ristrutturazzjoni ta’ impriża ma għandhiex twassal għal żieda fin-numru ta’ ajruplani jew seats offruti fis-swieq ikkonċernati li tkun ikbar mit-tkabbir ta’ dawn is-swieq. Din il-limitazzjoni għandha madankollu tiġi bbilanċjata mal-għan stabbilit fil-punt 38(1) tal-Linji Gwida tal-1994 dwar is-settur tal-avjazzjoni u riprodotti fil-punt 38 tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà, jiġifieri li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jippermetti li l-kumpannija terġa tikseb il-vijabbiltà fuq żmien twil f’terminu raġonevoli. Issa, ikun diffiċli li tali għan jintlaħaq jekk il-kapaċitajiet tal-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma jkunux jistgħu jikbru bl-istess ritmu bħal dawk tal-kompetituri tagħha, b’mod partikolari fil-każ ta’ tkabbir rapidu tas-suq.

      (ara l-punti 190, 191, 193)

    14.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 215, 216)

    15.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 225)

    Top