Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TJ0423

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ eżami mill-ġdid — Paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ “taxxa fuq il-valur miżjud”

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2(10)(b) u 11(3), Nru 1659/2005, Nru 826/2009 u Nru 1225/2009, Artikoli 2(10)(b) u 11(3))

2. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Paragun bejn il-valur normali u l-prezz waqt l-esportazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Paragun fl-istess stadju kummerċjali

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 1(2) u 2(10), u Nru 1225/2009, Artikoli 1(2) u 2(10))

3. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ eżami mill-ġdid — Tibdil tal-metodu ta’ kalkolu

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2(10), 11(9) u 17, u Nru 1225/2009, Artikoli 2(10), 11(9), u 17)

Summary

1. Peress li fir-Regolament Nru 826/2009, li jemenda r-Regolament Nru 1659/2005, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Kunsill ikkunsidra li fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid interim parzjali ta’ miżura antidumping li seħħet taħt l-Artikolu 11(3) tar-regolament antidumping bażiku [li sar l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1225/2009], kuntrarjament għas-sitwazzjoni fl-investigazzjoni inizjali, il-kundizzjonijiet għal aġġustament tal-valur normali u/jew tal-prezz tal-esportazzjoni taħt l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament Nru 1225/2009] ma humiex sodisfatti, b’mod li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li, fir-Regolament Nru 826/2009, b’kunsiderazzjoni tat-taxxa fuq valur miżjud ta’ 17 %, il-Kunsill applika l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku u b’hekk għamel aġġustamenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għall-valur normali u għall-prezz tal-esportazzjoni sabiex tiġi ristabbilita s-simetrija bejn dan il-valur u l-prezz. Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-metodu ta’ paragun applikat fir-regolament ikkontestat jikkonsisti f’li jiġi aġġustat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, dan huwa każ ta’ paragun ta’ dan il-valur u prezz fuq bażi ta’ “taxxa fuq valur miżjud inkluża” fuq il-bażi biss tad-dispożizzjoni ġenerali prevista fl-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(10), tar-regolament bażiku [li saru l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009].

(ara l-punti 37, 38)

2. Fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw. Din is-setgħa diskrezzjonali tirrigwarda wkoll l-evalwazzjoni tal-fatti li jiġġustifikaw in-natura ekwa tal-metodu tal-paragun applikat, peress li l-kunċett ta’ ekwità għandu natura vaga u għandu jkun ikkonkretizzat mill-istituzzjonijiet każ b’każ hekk kif jirriżulta mill-kuntest ekonomiku rilevanti. Fil-fatt, l-għażla bejn id-diversi metodi ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott jippresupponu l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

Barra minn hekk, aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għalhekk il-paragun tagħhom. Dan ifisser, li r-raġuni għall-aġġustament hija li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ta’ prodott, b’mod li, jekk l-aġġustament ikun sar korrettament, dan jimplika li jkun stabbilixxa mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk l-aġġustament ma jkunx sar korrettament, dan jimplika li huwa jkun ħoloq nuqqas ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura ekwa tal-metodu ta’ paragun applikat, il-kunċett ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni b’hekk jammonta għal element ċentrali li jikkorrispondi mal-ħtieġa li tiġi stabbilita l-komparabbiltà tal-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament antidumping bażiku [li sar l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1225/2009]. Fil-fatt, skont l-ewwel sat-tielet sentenza tal-Artikolu 2(10) tal-istess regolament [li saru l-ewwel sat-tielet sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009], il-paragun ekwu bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali għandu jseħħ, fl-istess stadju kummerċjali, għall-bejgħ li saru f’dati kemm jista’ jkun qrib ta’ xulxin u bid-debita kunsiderazzjoni ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet, u huwa biss fil-każijiet fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti ma jistgħux jiġu kkomparati li l-istituzzjonijiet huma awtorizzati li jipproċedu b’aġġustamenti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li, l-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ “taxxa fuq il-valur miżjud inkluża” jammonta għal metodu ta’ paragun ekwu, peress li l-imsemmi paragun seħħ, b’rispett għar-rekwiżit ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, fl-istess stadju kummerċjali, għall-bejgħ simultanji kemm domestiċi kif ukoll għall-esportazzjoni, li huma kollha suġġetti għall-applikazzjoni tal-istess rata ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

(ara l-punti 40-43, 45)

3. Mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 11(9) tar-Regolament Nru 1225/2009] jirriżulta li, bħala regola ġenerali, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżura antidumping, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw l-istess metodu, inkluż il-metodu tal-paragun tal-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali skont l-Artikolu 2(10) tal-istess regolament [li sar l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009], bħall-metodu użat waqt l-investigazzjoni inizjali li wassal għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping. Madankollu, din l-istess dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni li tippermetti lill-istituzzjonijiet japplikaw metodu differenti minn dak użat fl-investigazzjoni inizjali, iżda biss sa fejn iċ-ċirkustanzi jkunu nbiddlu.

Barra minn hekk, il-kunċetti tal-“metodu” u tal-“aġġustament” ma jikkoinċidux. Iżda, anki jekk wieħed jissupponi li l-kunċett ta’ “aġġustament” skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jista’ jiġi assimilat għal dak il-“metodu” fis-sens tal-Artikolu 11(9) tal-istess regolament, meta l-istituzzjonijiet ikunu sempliċement irrinunzjaw għal aġġustament għar-raġuni li, bid-differenza tas-sitwazzjoni fil-mument tal-investigazzjoni inizjali, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament Nru 1225/2009] li jiġġustifikaw aġġustament bħal dan ma jkunux ġewx sodisfatti fil-mument tal-eżami mill-ġdid, l-unika rinunzja għall-imsemmi aġġustament ma tistax tiġi kkunsidrata bħala tibdil fil-metodu fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-metodu kkonċernat ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 17 (li sar l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1225/2009) tal-istess regolament, fejn ir-rekwiżiti għandhom ikunu rrispettati fil-każijiet kollha. B’hekk, jekk għandu jseħħ, fi stadju ta’ eżami mill-ġdid, li l-applikazzjoni tal-metodu applikat fl-investigazzjoni inizjali ma tkunx konformi mal-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet ikunu marbuta li ma japplikawx l-imsemmi metodu, b’mod li dan jimplika strettament “tibdil ta’ metodu”.

B’hekk meta, fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, l-istituzzjonijiet ma humiex awtorizzati jagħmlu aġġustament taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, huma ma jistgħux jiġu mġiegħla, taħt l-Artikolu 11(9) tal-istess regolament, li madankollu jagħmlu dan, għas-sempliċi raġuni li aġġustament bħal dan tressaq fl-investigazzjoni inizjali.

Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jissuponi li, fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-Kunsill adotta metodu ieħor ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati li dan applika fl-investigazzjoni inizjali, huwa ma jwettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta juri li, minn naħa, bejn l-investigazzjoni inizjali u l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, iċ-ċirkustanzi kienu tbiddlu u li, min-naħa l-oħra, dan it-tibdil kien tali li jiġġustifika li jiġi rrinunzjat aġġustament bħal dan.

(ara l-punti 54, 57-59, 62, 65)

Top