EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0538

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Obbligi tal-Istati Membri

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

2. Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Obbligi tal-Istati Membri

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

3. Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Obbligi tal-Istati Membri

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

Summary

1. L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jissuġġetta l-kundizzjoni ta’ evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew ta’ proġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan se jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. B’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv.

L-evalwazzjoni tal-probabbiltà għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew minn tali proġett.

(ara l-punti 39, 40)

2. Il-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq sit partikolari li timplika li, f’każ ta’ dubju rigward in-nuqqas ta’ effetti sinjifikattivi, hemm lok li ssir tali evalwazzjoni, ma tippermettix li jiġu eżentati mill-evalwazzjoni ċerti kategoriji ta’ proġetti fuq il-bażi ta’ kriterji mhux adatti sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jistgħux jaffettwaw is-siti protetti b’mod sinjifikattiv.

Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ eżenzjoni ġenerali ta’ ċerti attivitajiet skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Stat Membri, mill-ħtieġa tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat, ma hijiex tali li tiggarantixxi li dawn l-attivitajiet ma jaffettwawx b’mod ħażin l-integrità tas-sit protett.

B’hekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ma jistax jawtorizza lil Stat Membru jadotta regoli nazzjonali li permezz tagħhom, b’mod ġenerali, ikun jista’ jiġi evitat l-obbligu tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit tal-proġetti ta’ żvilupp jew minħabba l-ammont żgħir tal-ispejjeż previsti jew minħabba l-oqsma ta’ attività speċifiċi kkonċernati. Bl-istess mod, jekk jeżenta sistematikament il-programmi u l-proġetti ta’ xogħlijiet jew żvilupp suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni, mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, Stat Membru jkun qed jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

(ara l-punti 41-44)

3. Meta Stat Membru jistabbilixxi sistema ta’ dikjarazzjoni, li b’hekk ma tipprovdix għal evalwazzjoni tar-riskju abbażi b’mod partikolari tal-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat, huwa dan l-Istat Membru li għandu juri li d-dispożizzjonijiet li huwa adotta jippermettu li jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li kull pjan jew proġett suġġett għal din is-sistema ta’ dikjarazzjoni jaffettwa sit Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra.

Fil-fatt, jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu ma jkunux marbutin bl-obbligu li jwettqu evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew meħtieġ għall-amministrazzjoni ta’ sit Natura 2000 biss jekk ikun jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa l-imsemmi sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra.

(ara l-punti 52, 53)

Top