EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0520

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

2. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Sussidjarja miżmuma minn kumpannija holding mhux operattiva

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

3. Appell — Aggravji — Neċessità ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 112(1)(ċ))

4. Appell — Aggravji — Motiv ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113(2))

5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal- kompetizzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

Summary

1. Il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-kunċett ta’ impriża, imqiegħed fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur. L-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li skontha l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita tali influwenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

(ara l-punti 37, 38, 40, 41)

2. Ma huwiex eskluż li, minkejja l-fatt li ma tintervjenix direttament fis-suq, holding “mhux operattiva” tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq il politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, fid-dawl b’mod partikolari tal-funzjoni ta’ koordinazzjoni u ta’ tmexxija finanzjarja li hija għandha, u li, għaldaqstant, in-natura effettiva ta’ tali eżerċizzju tista’ tiġi preżunta meta l kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent. Dan huwa għaliex ma huwiex biżżejjed li tiġi invokata n-natura mhux operattiva tal-kumpannija parent biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji, li tibqa’ preżunzjoni sempliċi, li tista’ tiġi kkonfutata.

(ara l-punti 48, 49)

3. Mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

F’dan ir-rigward, anki jekk jippermetti li jiġi identifikat l-element ikkritikat tas-sentenza appellata, l-appell li fih l-argumentazzjoni żviluppata ma hijiex biżżejjed ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, peress li l-elementi essenzjali ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test tat-talba stess, li hija fformulata b’mod oskur u ambigwu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha, taħt piena li tiddeċiedi ultra petita.

(ara l-punti 59-61)

4. L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti quddiem l-ewwel istanza. Għaldaqstant, parti ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża billi tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija setgħet tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda li hija ma qajmitx, peress li dan iwassal sabiex jippermettilha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, kawża b’ambitu ikbar minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Tali motiv għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell.

(ara l-punt 64)

5. Skont il-metodu ddeterminat mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, il-partijiet li jikkostitwixxu multa relatati ma’ ċirkustanzi aggravanti, bħar-reċidività, huma kkalkolati abbażi ta’ “ammont bażiku” li huwa stess huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’ “ammont inizjali” miżjud b’fattur ta’ multiplikazzjoni relatat mat-tul tal-ksur.

Essenzjalment, dan l-ammont inizjali huwa stabbilit abbażi tal-gravità tal-ksur u tal-impatt reali fuq il-kompetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-entità kkonċernata. Jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-entità ikkonċernata, dan l-ammont jista’ jiġi aġġustat bil-għan li tiġi żgurata n-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa. Skont il punti 2 u 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni, wara li tkun iddeterminat l-ammont bażiku tal-multa b’kunsiderazzjoni għall-gravità u għat-tul tal-ksur, tipproċedi, skont il-każ, għal żieda u għal tnaqqis ta’ dan l-ammont abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

Madankollu, dawn il-linji gwida jistabbilixxu biss regoli ta’ kondotta indikattivi tal-prattika li għandha tiġi segwita li minnhom l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 72, 73, 81, 88)

Top