This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0446
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Politika kummerċjali komuni — Miżuri intiżi li jipprevjenu t-tqegħid fis-suq ta’ merkanzija ffalsifikata jew merkanzija pirata — Regolamenti Nru 3295/94 u Nru 1383/2003 — Merkanzija ffalsifikata jew merkanzija pirata —Kunċett
(Artikolu 131 KE; Artikolu. 206 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 3295/94 u Nru 1383/2003)
2. Politika kummerċjali komuni — Miżuri intiżi li jipprevjenu t-tqegħid fis-suq ta’ merkanzija ffalsifikata jew merkanzija pirata — Regolamenti Nru 3295/94 u Nru 1383/2003 — Merkanzija introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea taħt proċedura sospensiva u li tikkostitwixxi imitazzjoni ta’ prodott protett fl-Unjoni —Azzjoni mill-awtoritajiet doganali — Kundizzjonijiet — Indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 3295/94 u Nru 1383/2003)
1. Ir-Regolament Nru 3295/94, li jippreskrivi l-miżuri dwar id-dħul fil-Komunità u l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid mill-Komunità ta’ oġġetti li jiksru ċerti drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, kif emendat bir-Regolament Nru 241/1999, u r-Regolament Nru 1383/2003, li jikkonċerna l-azzjoni mill-awtoritajiet doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsab li tkun kisret dawk id-drittijiet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
- merkanzija provenjenti minn Stat terz u li tikkostitwixxi imitazzjoni ta’ prodott protett fl-Unjoni Ewropea b’dritt ta’ trade mark jew kopja ta’ prodott protett fl-Unjoni bi dritt tal-awtur, dritt relatat jew disinn ma tistax tiġi kklasifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” jew “[merkanzija] pirata” fis-sens tal-imsemmija regolamenti sempliċiment għaliex din ġiet introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt proċedura sospensiva;
- min-naħa l-oħra, din il-merkanzija tista’ tikser l-imsemmi dritt u għalhekk tiġi kklassifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” jew “[merkanzija] pirata” meta jiġi ppruvat li din hija ddestinata għal tqegħid fis-suq fl-Unjoni Ewropea, fejn prova bħal din tista’, b’mod partikolari tiġi pprovduta meta jirriżulta li l-imsemmija merkanzija kienet is-suġġett ta’ bejgħ lil klijent fl-Unjoni jew ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ pubbliċità indirizzata għal konsumaturi fl-Unjoni, jew meta mid-dokumenti jew minn korrispondenza li tikkonċerna din il-merkanzija jirriżulta li hemm ippjanat li din tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.
Fil-fatt, il-merkanzija ta’ imitazzjoni u kopja provenjenti minn Stat terz u ttrasportata lejn Stat terz ieħor tista’ tkun skont ir-regoli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali fis-seħħ f’dawn iż-żewġ Stati. Fid-dawl tal-għan prinċipali tal-politika kummerċjali komuni, stabbilita fl-Artikoli 131 KE kif ukoll 206 TFUE u li jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ kummerċ dinji permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq l-iskambji internazzjonali, huwa għalhekk essenzjali li din il-merkanzija tkun tista’ tgħaddi, vija l-Unjoni, minn Stat terz lejn ieħor mingħajr ma din l-operazzjoni tkun ostakolata, anki b’żamma provviżorja, mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Issa, ostakolu bħal dan jista’ preċiżament jinħoloq li kieku r-Regolamenti Nru 3295/94 u Nru 1383/2003 jiġu interpretati fis-sens li huwa legalment possibbli li tinżamm merkanzija f’tranżitu mingħajr l-iċken indizju ta’ natura li joħloq suspett li din tista’ tkun is-suġġett ta’ devjazzjoni frawdolenti lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.
(ara l-punti 63, 78 u d-dispożittiv)
2. Ir-Regolament Nru 3295/94, li jippreskrivi l-miżuri dwar id-dħul fil-Komunità u l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid mill-Komunità ta’ oġġetti li jiksru ċerti drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, kif emendat bir-Regolament Nru 241/1999, u r-Regolament Nru 1383/2003, li jikkonċerna l-azzjoni tal-awtoritajiet doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinsab li tkunu kisret dawk id-drittijiet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
- sabiex l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi dwar il-mertu tkun tista’ teżamina b’mod utli l-eżistenza ta’ din il-prova u ta’ elementi oħra li jikkostitwixxu ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali invokat, l-awtorità doganali adita b’talba ta’ azzjoni għandha, hekk kif ikollha indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza tal-imsemmi ksur, tissospendi l-ħelsien jew tipproċedi biż-żamma tal-imsemmija merkanzija; u li
- fost dawn l-indizji jistgħu jissemmew, b’mod partikolari, il-fatt li d-destinazzjoni tal-merkanzija ma tkunx ġiet iddikjarata minkejja li l-proċedura sospensiva mitluba teżiġi din id-dikjarazzjoni, in-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża jew affidabbli fuq l-identità jew l-indirizz tal-manifattur jew tal-kunsinnatur tal-merkanzija, nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali jew saħansitra l-iżvelar ta’ dokumenti jew ta’ korrispondenza dwar il-merkanzija inkwistjoni li tkun ta’ natura li tissuġġerixxi li din tista’ tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.
(ara l-punt 78 u d-dispożittiv)