Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0403

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-403/09 PPU

    Jasna Detiček

    vs

    Maurizio Sgueglia

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Višje sodišče v Mariboru)

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Miżuri provviżorji dwar id-dritt ta’ kustodja — Deċiżjoni eżekuttiva fi Stat Membru — Tneħħija illegali ta’ minuri — Stat Membru ieħor — Qorti oħra — Assenjazzjoni tal-kustodja tal-minuri lill-ġenitur l-ieħor — Ġurisdizzjoni — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari”

    Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, tad-9 ta’ Diċembru 2009   I ‐ 12197

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2009   I ‐ 12220

    Sommarju tas-sentenza

    1. Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 104b)

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Miżuri provviżorji u kawtelatorji – Tneħħija illegali ta’ minuri

      (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 2(11) u 20(1))

    3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Miżuri provviżorji u kawtelatorji – Bidla fil-kustodja ta’ minuri

      (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 20(1))

    4. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Miżuri provviżorji u kawtelatorji – Rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minuri, hekk kif previsti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 24; Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 20)

    1.  Talba mressqa minn qorti tar-rinviju għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura hija fondata meta tkun motivata minn:

      deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva li tirrigwarda miżuri kawtelatorji adottata minn qorti ta’ Stat Membru li qed tafda l-kustodja tal-minuri lill-missier

      deċiżjoni ġudizzjarja kuntrarja li tirrigwarda miżuri kawtelatorji adottata minn Stat Membru ieħor li qed tafda l-kustodja tal-minuri lill-omm

      bżonn li tittieħed azzjoni malajr, għaliex deċiżjoni tardiva tmur kontra l-interessi tal-minuri u tista’ twassal għal deterjorament irreversibbli tar-relazzjoni bejnu u l-missier

      natura provviżorja tal-miżura adottata, fil-kuntest tal-miżura kawtelatorja dwar il-kustodja tal-minuri, li timponi minnha nfisha, sabiex ma tittawwalx l-inċertezza legali, intervent urġenti ta’ din il-qorti.

      (ara l-punti 29-31)

    2.  L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil qorti ta’ Stat Membru li tadotta miżura provviżorja fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri intiża li tagħti l-kustodja ta’ minuri li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru lil wieħed mill-ġenituri tiegħu meta qorti ta’ Stat Membru ieħor, li għandha ġurisdizzjoni skont l-imsemmi regolament li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kwistjoni dwar il-kustodja tal-minuri, tkun diġà tat deċiżjoni li tafda b’mod provviżorju l-kustodja ta’ dan il-minuri lill-ġenitur l-ieħor, u li din id-deċiżjoni tkun ġiet iddikjarata eżekuttiva fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

      Fil-fatt, jekk bidla fiċ-ċirkustanzi li tirriżulta minn proċess gradwali, bħall-integrazzjoni tal-minuri f’ambjent ġdid, tkun biżżejjed sabiex tawtorizza qorti ta’ Stat Membru, li ma għandhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu, sabiex tadotta miżura provviżorja intiża li tibdel il-miżura fi kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li kienet meħuda minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu, u li ġiet iddikjarata eżekuttiva fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, dewmien eventwali tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent qiegħed jintalab jikkontribwixxi sabiex joħloq il-kundizzjonijiet sabiex l-imsemmija qorti tkun tista’ tipprojbixxi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ddikjarata eżekuttiva. Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkomprometti l-istess prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament, b’mod partikolari dak tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri stabbilit permezz tal-imsemmi regolament.

      Ir-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni ta’ urġenza fil-każ fejn il-bidla fis-sitwazzjoni tal-minuri tirriżulta minn tneħħija illegali skont l-Artikolu 2(11) tal-imsemmi regolament imur ukoll kontra l-għan tal-istess regolament, li huwa intiż li jiskoraġġixxi t-tneħħija jew iż-żamma illegali ta’ minuri bejn Stati Membri. Fil-fatt, li jiġi aċċettat li tista’ tittieħed miżura li timplika l-bidla fir-responsabbiltà tal-ġenituri, bis-saħħa tal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, twassal, billi tikkonsolida sitwazzjoni ta’ fatt li tirriżulta minn aġir illegali, għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġenitur responsabbli għat-tneħħija illegali.

      (ara l-punti 45, 47-49 u d-dispożittiv)

    3.  Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, il-miżuri provviżorji għandhom jittieħdu fir-rigward tal-persuni preżenti fl-Istat Membru fejn għandhom is-sede tagħhom il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni li jadottaw tali miżuri.

      Miżura provviżorja, fi kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, li tipprovdi għal bidla fil-kustodja ta’ minuri, ma titteħidx biss fil-konfront tal-minuri stess, imma wkoll fil-konfront tal-ġenitur li tingħatalu l-kustodja mill-ġdid kif ukoll fil-konfront tal-ġenitur l-ieħor li jsib ruħu, wara l-adozzjoni ta’ tali miżura, imċaħħad minn din il-kustodja.

      (ara l-punti 50, 51)

    4.  Ir-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, josserva l-prinċipji stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, billi jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minuri, kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tiegħu. Għalhekk, l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament ma jistax jiġi interpretat b’mod li jista’ jservi ta’ strument għall-ġenitur li illegalment neħħa l-minuri sabiex itawwal is-sitwazzjoni ta’ fatt li tkun inħolqot bl-aġir illegali tiegħu jew li jilleġittima l-effetti ta’ dan l-aġir.

      Miżura li tostakola ż-żamma regolari ta’ relazzjonijiet personali u ta’ kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tista’ tkun iġġustifikata biss minn interess tal-minuri ta’ tali intensità li dan tal-aħħar jirbaħ fuq dak protett mill-imsemmi dritt fundamentali. Madankollu, evalwazzjoni ekwilibrata u raġonevoli tal-interessi kollha involuti, li għandha ssir fuq evalwazzjonijiet oġġettivi fir-rigward tal-istess persuna tal-minuri u tal-ambjent soċjali tiegħu għandha, bħala regola, issir fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni li teżamina l-mertu skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

      (ara l-punti 53, 57, 59, 60)

    Top