EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0400

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Importazzjoni parallela, wara l-ippakkjar mill-ġdid u t-twaħħil tat-trade mark, ta’ prodotti mediċinali — Imballaġġ ġdid li jindika l-proprjetarju tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq bħala dak li wettaq l-ippakkjar mill-ġdid — Ippakkjar mill-ġdid fiżiku mwettaq minn impriża indipendenti — Oppożizzjoni mill-proprjetarju — Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 7(2))

Summary

L-Artikolu 7(2) tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-proprjetarju ta’ trade mark relatata ma’ prodott farmaċewtiku, li huwa s-suġġett ta’ importazzjonijiet paralleli, li jopponi ruħu għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ dan il-prodott ippakkjat mill-ġdid minħabba s-sempliċi fatt li l-imballaġġ il-ġdid jindika, bħala l-pakkeġġatur mill-ġdid, mhux lill-impriża li, fuq ordni, effettivament ippakkjat mill-ġdid il-prodott imsemmi u li għandha awtorizzazzjoni sabiex tagħmel dan, iżda lill-impriża li hija l-proprjetarja tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott imsemmi, li taħt l-istruzzjonijiet tagħha twettaq l-ippakkjar mill-ġdid u li tassumi r-responsabbiltà għalih.

Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark, skont liema l-imballaġġ il-ġdid għandu jindika b’mod ċar l-awtur tal-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott, din il-ħtieġa hija ġġustifikata mill-interess tal-proprjetarju tat-trade mark sabiex il-konsumatur jew l-utent finali ma jkunx jista’ jaħseb li huwa responsabbli mill-ippakkjar mill-ġdid.

Għalhekk, dan l-interess tal-proprjetarju huwa għalkollox ippriżervat meta fuq l-imballaġġ tal-prodott ippakkjat mill-ġdid ikun jidher b’mod ċar isem l-impriża li fuq ordni u taħt l-istruzzjonijiet tagħha jkun twettaq l-ippakkjar mill-ġdid u li tassumi r-responsabbiltà għalih. Fil-fatt, tali indikazzjoni, sakemm tkun stampata b’mod li tinftiehem minn persuna normalment attenta, hija tali li tevita l-impressjoni żbaljata f’moħħ il-konsumatur jew l-utent finali li l-prodott ġie ppakkjat mill-ġdid mill-proprjetarju.

Barra minn hekk, minħabba li din l-impriża tassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-operazzjonijiet marbuta mal-ippakkjar mill-ġdid, il-proprjetarju jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu, u, jekk ikun il-każ, jikseb id-danni fil-każ fejn l-istat oriġinarju tal-prodott li jinsab fl-imballaġġ kien affettwat mill-ippakkjar mill-ġdid jew jekk il-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid hija tali li tista’ tikkaġuna ħsara lir-reputazzjoni tat-trade mark. F’tali każ, impriża li tidher bħala l-pakkeġġatur fuq l-imballaġġ il-ġdid ta’ prodott ippakkjat mill-ġdid, hija marbuta li twieġeb għad-danni kollha kkawżati mill-impriża li effettivament wettqet l-ippakkjar mill-ġdid u ma tistax teżenta ruħha mir-responsabbiltà tagħha billi ssostni, b’mod partikolari, li din aġixxiet kontra l-istruzzjonijiet tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proprjetarju tat-trade mark ma għandux interess leġittimu li jeżiġi li fuq l-imballaġġ jidher isem l-impriża li effettivament ippakkjat mill-ġdid il-prodott għall-motiv biss li l-ippakkjar mill-ġdid jista’ jolqot l-istat oriġinarju ta’ dan il-prodott u, għaldaqstant, li eventwalment jikser id-drittijiet tat-trade mark.

Fil-fatt, l-interess tal-proprjetarju tat-trade mark fil-preżervazzjoni tal-istat oriġinarju tal-prodott li jinsab fl-imballaġġ huwa protett biżżejjed mill-ħtieġa, li tgħid li għandu jiġi pprovat li l-ippakkjar mill-ġdid ma jistax jolqot l-istat oriġinarju tal-prodott imsemmi. L-oneru tal-prova jinsab fuq il-proprjetarju tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, li taħt l-istruzzjonijiet tiegħu twettaq l-ippakkjar mill-ġdid u li jassumi r-responsabbiltà għalih.

(ara l-punti 28-32, 36 u d-dispożittiv)

Top