Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0376

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni — Preżunzjonijiet — Inammissibbiltà

(Artikolu 226 KE)

2. Ambjent — Protezzjoni tas-saff tal-ożonu — Regolament Nru 2037/2000 dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu — Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u tal-użu tal-halons — Eċċezzjonijiet

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 2037/2000, Artikoli 4(1)(ċ) u (4)(v), u 5, u l-Anness VII)

Summary

1. Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-oneru tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr mal-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni.

(ara l-punt 32)

2. Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonsisti f’allegat ksur minn Stat Membru tar-Regolament Nru 2037/2000, dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, fir-rigward tal-obbligu ta’ dikommissjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li jkun fihom il-halon għal użi mhux kritiċi fuq bastimenti.

L-interpretazzjoni mressqa mill-Kummissjoni tat-tielet inċiżi li jirrigwardaw l-użu kritiku tal-halon 1301 u tal-halon 2402 rispettivament, li jinsabu fil-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, hija bbażata fuq żewġ premessi. Minn naħa, is-sistemi tal-halon installati fil-parti l-kbira tal-bastimenti tat-tagħbija huma sistemi ta’ estinzjoni, u mhux ta’ inertizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, hemm biss żewġ każijiet partikolari ta’ użu ta’ sistemi tal-halon għall-finijiet tal-inertizzazzjoni li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri jew fir-reċipjenti taż-żejt fil-bastimenti, jew f’makkinarju marbut mal-ippumpjar awtomatiku ta’ dqiq fl-istiva tal-bastiment jew ’il barra minnha.

Madankollu, din l-interpretazzjoni ma tirriżulta la mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 2037/2000. Barra minn hekk, il-premessi ta’ dan ir-regolament ma jirreferu għal ebda waħda miż-żewġ possibbiltajiet imsemmija mill-Kummissjoni.

Min-naħa l-oħra, it-tielet inċiżi li jirrigwardaw l-użu tal-halons 1301 u 2402, rispettivament, li jinsabu fl-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, huma fformulati b’mod wiesa’, peress li jipprevedu l-użu tagħhom “fis-setturi militari u taż-żejt, tal-gass u petrokemikali, u f’vapuri ta’ tagħbija eżistenti”.

(ara l-punti 33-35)

Top