Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0371

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 82(1); Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 292(3), u Nru 88/97, Artikolu 14(ċ))

    2. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Rimbors jew remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 212a; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 292, u Nru 88/97, Artikolu 14(ċ))

    Summary

    1. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 292(3) tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 1602/2000, ma tistax isservi bħala awtorizzazzjoni għal importatur stabbilit u li jopera f’żewġ Stati Membri u li jimporta oġġetti fl-ewwel Stat Membru sabiex immedjatament jittrasportahom lejn it-tieni Stat Membru, b’mod li jibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji antidumping skont l-Artikolu 14(ċ) tar-Regolament Nru 88/97, dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ wħud mill-partijiet tar-rota li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament Nru 71/97, tad-dazju antidumping impost mir-Regolament Nru 2474/93.

    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni li tissemma’ l-aħħar tipprevedi limitu mensili kwantitattiv li ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti mill-amministrazzjoni doganali tal-Istat Membru li jimporta waħeda. Minn naħa waħda, il-limiti kwantitattivi jistgħu jiġu evitati faċilment mill-importazzjonijiet imwettqa kemm fl-Istat Membru li jimporta kif ukoll f’dak fejn il-merkanzija għandha finalment tasal. Min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-użu partikolari għandu jitwettaq skont l-Artikolu 82(1) tal-Kodiċi Doganali, matul il-perijodu ta’ referenza kollu, jiġifieri għal xahar, bil-għan li jiġi vverifikat jekk ġiex osservat il-limitu kwantitattiv. Issa, meta l-oġġetti jiġu ttrasportati immedjatament lejn Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet doganali tal-ewwel Stat Membru ma humiex, waħedhom, kapaċi jikkontrollaw l-osservanza tal-imsemmi limitu, iżda jiddependu fuq il-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ieħor, b’tali mod li iktar minn amministrazzjoni doganali waħda hija neċessarjament involuta, b’mod kuntrarju għall-kundizzjoni, imposta mill-Artikolu 292(3) tar-Regolament Nru 2454/93, li tistabbilixxi li l-proċedura ssemplifikata tippresupponi li hija involuta amministrazzjoni doganali waħda biss.

    (ara l-punti 34-37 u d-dispożittiv 1)

    2. L-Artikolu 212a tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2700/2000, ma jippermettix l-għoti tal-eżenzjoni mid-dazji antidumping lil importatur li ma jkollux awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jibbenefika minn eżenzjoni minn tali dazji, skont l-Artikolu 14(ċ) tar-Regolament Nru 88/97, dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ wħud mill-partijiet tar-rota li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament Nru 71/97, tad-dazju antidumping impost mir-Regolament Nru 2474/93.

    Fil-fatt, fost kundizzjonijiet oħra, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 14(ċ) tar-Regolament Nru 88/97 tagħmel riferiment b’mod espliċitu għal dik li tirregola l-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, iddikjarata fl-Artikolu 292 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92. Il-fatt li jitqies bħala suffiċjenti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali, li tkun sodisfatta waħda biss mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi Artikolu 14(ċ), sabiex jiġi konkluż li “il-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni” tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali ġew sodisfatti, ikun ifisser li tinġieb fix-xejn l-impożizzjoni ta’ dik il-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni minn qabel imposta mill-imsemmi Artikolu 292. Issa, peress li dan tal-aħħar jipprevedi eżenzjoni mid-dazji antidumping u għandu jingħata interpretazzjoni stretta, dan għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 212a, u dan iktar u iktar għaliex l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija iktar ’il fuq hija ta’ importanza partikolari fil-kuntest tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 88/97, inkwantu din tippermetti lill-awtoritajiet doganali jivverifikaw, fil-mument meta jseħħu l-fatti, li r-rekwiżiti kollha relattivi għall-eżenzjoni mid-dazji antidumping inkwistjoni jkunu sodisfatti.

    (ara l-punti 41-43, 45 u d-dispożittiv 2)

    Top