EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0359

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-359/09

Donat Cornelius Ebert

vs

Budapesti Ügyvédi Kamara

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla)

“Avukati — Direttiva 89/48/KEE — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-ikkompletar ta’ edukazzjoni u taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Direttiva 98/5/KE — Eżerċizzju permanenti tal-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ieħor minbarra f’dak li fih inkisbet il-kwalifika — Użu tat-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti — Kundizzjonijiet — Inklużjoni fir-reġistru ta’ ordni professjonali tal-avukati tal-Istat Membru ospitanti”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Frar 2011   I - 271

Sommarju tas-sentenza

  1. Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Ħaddiema – Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtjia mal-ikkompletar ta’ edukazzjoni u taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin – Direttiva 89/48 – Avukati – Eżerċizzju permanenti tal-professjoni fi Stat Membru ieħor minbarra f’dak li fih inkisbet il-kwalifika – Direttiva 98/5 – Eżerċizzju tal-professjoni taħt it-titolu ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/5; Direttiva tal-Kunsill 89/48, kif emendata bid-Direttiva 2001/19)

  2. Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Avukati – Eżerċizzju permanenti tal-professjoni fi Stat Membru ieħor minbarra f’dak li fih inkisbet il-kwalifika – Direttiva 98/5 – Eżerċizzju tal-professjoni taħt it-titolu ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/5; Direttiva tal-Kunsill 89/48, kif emendata bid-Direttiva 2001/19)

  1.  La d-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19, u lanqas id-Direttiva 98/5, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni, ma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-obbligu li wieħed għandu jkun membru ta’ entità bħalma hija l-kamra tal-avukati, sabiex ikun jista’ jeżerċita l-attività ta’ avukat taħt it-titolu ta’ avukat tal-Istat Membru ospitanti.

    (ara l-punt 42 u d-dispożittiv 1)

  2.  Id-Direttiva 89/48/KEE dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE u d-Direttiva 98/5/KE, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni, jikkumplimentaw lil xulxin billi jistabbilixxu għall-avukati tal-Istati Membri żewġ mezzi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu professjonali ta’ Stat Membru ospitanti.

    Fil-fatt, jekk, fil-kuntest ta’ modalitajiet ta’ aċċess għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu tal-Istat Membru ospitanti, avukat kwalifikat ta’ Stat Membru ieħor huwa eżentat mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48, madankollu, d-Direttiva 98/5 ma timpedix lil dan l-avukat, b’mod partikolari meta dan ma jkunx segwa effettivament u regolarment attività fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu ta’ mill-anqas tliet snin, mill-possibbiltà li jitlob l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu ta’ dan l-Istat Membru ospitanti billi jinvoka d-Direttiva 89/48.

    (ara l-punti 32, 35 u d-dispożittiv 2)

Top