Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0343

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Eċċezzjoni ta’ illegalità — Natura inċidentali

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/30, Artikolu 1(8))

    2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Karburanti — Direttiva 2009/30

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/30, Artikolu 1(8))

    3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Karburanti — Direttiva 2009/30

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/30, Artikolu 1(8))

    4. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Karburanti — Direttiva 2009/30

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/30, Artikolu 1(8))

    Summary

    1. Kumpannija li tipproduċi l-methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) ma tistax tiġi kkunsidrata li hija mingħajr l-ebda dubju individwalment ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mill-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, li temenda d-Direttiva 98/70 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva 1999/32 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12, li jillimita l-preżenza tal-addittiv MMT fil-karburanti, peress li dan l-Artikolu 1(8) ma jsemmihiex b’mod speċifiku u jikkonċernaha biss fir-rigward tal-kwalità oġġettiva tagħha bħala produttriċi ta’ dan l-addittiv bl-istess mod bħalma huma l-operaturi ekonomiċi l-oħra li jinsabu attwalment jew potenzjalment f’sitwazzjoni identika. Il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura kemm-il darba jiġi kkonstatat li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni. Barra minn hekk, għaldaqstant, din il-kumpannija produttriċi ċertament ma għandhiex locus standi sabiex tippreżenta rikors għal annullament fuq il-bażi tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 230 KE kontra l-Artikolu 1(8), iċċitat iktar ’il fuq, u tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors magħmul skont id-dritt nazzjonali, l-invalidità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk ma ppreżentatx rikors għal annullament ta’ dawn tal-aħħar quddiem il-qorti Komunitarja fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE.

    (ara l-punti 20, 23-25)

    2. F’kuntest tekniku ta’ natura evoluttiva bħalma huwa dak tal-addittivi fil-karburanti, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. F’kuntest bħal dan, il-qorti Komunitarja ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur li lilu biss it-trattat ta dan il-kompitu. Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-istituzzjonijiet Komunitarji, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola.

    Għalhekk, meta, matul l- iter leġiżlattiv tal-adozzjoni tad-Direttiva 2009/30, li temenda d-Direttiva 98/70, rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva 1999/32 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12, il-Kumitat tal-Ambjent, tas-Saħħa Pubblika u tas-Sigurtà Alimentari tal-Parlament Ewropew organizza gruppi ta’ ħidma ġenerali u speċifiċi u meta mill-proċess jirriżulta li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qiesu d-data xjentifika disponibbli li tikkonċerna kemm l-effetti tal-methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) fuq is-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-ambjent u l-impatt tiegħu fuq il-vetturi, il-Parlament u l-Kunsill ma wettqu l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidew li jistabbilixxu, fl-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, kontenut massimu ta’ MMT fil-karburanti.

    (ara l-punti 28, 33, 34, 36, 41, 42)

    3. L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, li temenda d-Direttiva 98/70 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva 1999/32 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12 inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2) fid-Direttiva 98/70 u jillimita l-preżenza tal-methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) fil-karburanti, la huwa invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-fatt, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam li jimplika għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista’ jolqot il-validità ta’ miżura bħal din. F’dan ir-rigward, l-iffissar ta’ limitu massimu permess ta’ MMT fil-karburanti, li jippermetti t-tnaqqis ta’ kwantitajiet ta’ din is-sostanza li tista’ potenzjalment tikkawża dannu lis-saħħa, ma huwiex manifestament inadegwat sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent imfittxa mil-leġiżlatur Komunitarju. Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskji għas-saħħa u tad-dannu għall-magni tal-vetturi kif ukoll fid-dawl tad-diffikultajiet li jiġu żviluppati metodoloġiji tal-ittestjar, miżura restrittiva bħalma hija l-limitazzjoni tal-preżenza tal-MMT fil-karburanti ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet tad-Direttiva 2009/30.

    Isegwi, fir-rigward tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li meta jirriżulta li huwa impossibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, l-imsemmi prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi. Issa, il-kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti stabbilit bl-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30 ma huwiex diskriminatorju, għaliex japplika fl-Unjoni kollha u għall-produtturi u importaturi kollha tal-MMT. Barra minn hekk, fid-dawl tal-inċertezzi li jirrigwardaw kemm id-dannu kkawżat mill-użu tal-MMT kif ukoll ir-riskju rrappreżentat mill-użu tal-MMT, l-iffissar tal-kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti ma jidhirx li huwa manifestament sproporzjonat fir-rigward tal-interessi tal-produtturi tal-MMT, sabiex tiġi żgurata protezzjoni għolja tas-saħħa u tal-ambjent.

    Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-addittivi l-oħra metalliċi li huma bbażati fuq l-manganiż, li r-restrizzjoni imposta fuq l-MMT ma tirrigwardhomx, la huma użati u lanqas importati fl-Unjoni Ewropea. B’hekk, jirriżulta li l-MMT ma jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-addittiv l-oħra bbażati fuq il-manganiż u li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma kienx obbligat jiddefinixxi l-limiti massimi permessi għall-imsemmija addittivi.

    Fl-aħħar nett, l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jista’ jiġi kkonstatat peress li minn kliem l-Artikolu 8a(2) tad-Direttiva 98/70 ma jirriżulta li hemm l-ebda ambigwità dwar ir-rabta bejn il-valur massimu permess ta’ MMT fil-karburanti u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji tal-ittestjar.

    (ara l-punti 46, 50, 55, 61, 63, 68, 69, 75-77, 82, 83)

    4. Billi adotta l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, li temenda d-Direttiva 98/70 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva 1999/32 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12, inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(4) sa (6) fid-Direttiva 98/70 u jimponi ttikkettjar għall-karburanti li għandhom l-addittivi metalliċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, l-iskop tal-obbligu tal-ittikkettjar huwa li jipproteġi lill-konsumaturi li, skont l-Artikolu 153 KE, huwa għan tal-Unjoni Ewropea. Dan tal-aħħar għandu jitwettaq permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni. Il-fatt li titqiegħed b’mod li tidher sew tikketta li tinkludi l-kliem segwenti, “Fih addittivi metalliċi”, huwa mezz xieraq għal kisba ta’ dan l-għan. Barra minn hekk, l-ittikkettjar huwa meħtieġ biss għall-bejgħ ta’ karburanti li jkollhom l-addittivi metalliċi u mhux għall-bejgħ tal-MMT bħala addittiv u dan ma jistax jitqies li jżied b’mod sostanzjali l-ispiża tal-produtturi u tad-distributuri tal-karburanti peress li l-volum ta’ karburant li għandu t-tali addittivi huwa minimu. Għalhekk, dan l-obbligu tal-ittikkettjar ma jikkostitwixxix obbligu li huwa manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur kif stabbilit bid-Direttiva 2009/30.

    (ara l-punti 88, 89, 94-96)

    Top