EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0274

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kuntratt pubbliku għal servizzi – Konċessjoni għal servizzi – Kriterji ta’ distinzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(a) u (d) u (4))

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Konċessjoni għal servizzi — Kunċett

(Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(d) u (4))

Summary

1. Mill-paragun bejn id-definizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u konċessjoni għal servizzi, ipprovduti, rispettivament, mill-Artikolu 1(2)(a) u (d) u mill-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], jirriżulta li d-differenza bejn kuntratt għal servizzi u konċessjoni għal servizzi tinsab fil-korrispettiv tal-provvista ta’ servizzi. Il-kuntratt ta’ servizzi jinvolvi korrispettiv li, mingħajr ma huwa l-uniku wieħed, jitħallas direttament mill-awtorità kontraenti lill-fornitur ta’ servizzi, filwaqt li, fil-każ ta’ konċessjoni ta’ servizzi, il-korrispettiv tal-provvista ta’ servizzi jikkonsisti fid-dritt tal-operat tas-servizz, jew waħdu, jew flimkien ma’ prezz.

Fil-każ ta’ kuntratt dwar servizzi, il-fatt li l-parti kontraenti ma titħallasx direttament mill-awtorità kontraenti, iżda jkollha d-dritt li tirċievi remunerazzjoni mingħand terzi, jissodisfa r-rekwiżit ta’ korrispettiv, previst fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18. Għalhekk, jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni jkun wieħed mill-elementi determinanti sabiex tiġi kklassifikata konċessjoni għal servizzi, il-konċessjoni għal servizzi timplika li l-konċessjonarju jassumi r-riskju marbut mat-twettiq tas-servizzi inkwistjoni u li n-nuqqas ta’ trasferiment lill-fornitur tar-riskju marbut mal-provvista tas-servizzi jindika li t-tranżazzjoni msemmija tikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi u mhux konċessjoni għal servizzi. Sabiex jiġi konkluż li hemm konċessjoni għal servizzi, għad irid jiġi vverifikat jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni miftiehem jawtorizzax lill-fornitur li jopera servizz u jimplikax li dan għandu jassumi r-riskju marbut mat-twettiq ta’ dan is-servizz inkwistjoni. Għalkemm l-oriġini ta’ dan ir-riskju jista’ ċertament ikun limitat ħafna, il-klassifikazzjoni bħala konċessjoni għal servizzi teżiġi, madankollu, li l-awtorità kontraenti tittrasferixxi lill-konċessjonarju r-riskju kollu jew, minn tal-inqas, parti sostanzjali mir-riskju tal-operat li huwa jkun suġġett għalih.

(ara l-punti 24-26, 29)

2. L-Artikolu 1(2)(d) u (4) tad-Direttiva 2004/18/KE, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta r-remunerazzjoni tal-operatur ekonomiku magħżul titħallas kollha minn persuni li huma distinti mill-awtorità kontraenti li tkun tat il-kuntratt li jirrigwarda s-servizzi ta’ għajnuna ta’ emerġenza u li dan l-operatur ekonomiku jassumi r-riskju tal-operat, anki jekk b’mod limitat ħafna, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li l-ammont tad-drittijiet tal-użu tas-servizzi inkwistjoni jiddependi mir-riżultat tan-negozjati annwali ma’ terzi u li ma huwiex żgurat li huwa ser ikopri l-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest tal-ġestjoni tal-attivitajiet tiegħu skont il-prinċipji stabbiliti mid-dritt nazzjonali, l-imsemmi kuntratt għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ “konċessjoni tas-servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva.

Il-fatt li l-livell tad-drittijiet tal-użu ma huwiex iddeterminat unilateralment mill-fornitur tas-servizzi ta’ għajnuna ta’ emerġenza, iżda permezz ta’ ftehim mal-korpi tas-sigurtà soċjali li għandhom huma stess il-kwalità ta’ awtorità kontraenti u li dawn id-drittijiet ma jitħallsux direttament mill-utenti ta’ dawn is-servizzi lill-fornitur magħżul, iżda minn uffiċċju ċentrali tal-ħlas responsabbli mill-ġbir u mill-għoti ta’ dawn id-drittijiet, fil-forma ta’ ħlas regolari, ma għandu l-ebda effett fuq din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, xorta jibqa’ l-fatt li r-remunerazzjonijiet kollha lill-fornitur ta’ servizzi ikunu ġejjin minn persuni distinti mill-awtorità kontraenti li tkun tagħtu l-kuntratt.

F’dan ir-rigward, għalkemm, fl-istadju preżenti tad-dritt tal-Unjoni, il-kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi ma huma rregolati mill-ebda waħda mid-direttivi li permezz tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti huma xorta waħda obbligati josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, fil-każ fejn – fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju – il-kuntratt ikkonċernat ikollu interess transkonfinali ċert.

(ara l-punti 28, 48, 49 u d-dispożittiv)

Top