Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0266

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Ambjent — Libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni — Direttiva 2003/4 — Tagħrif dwar l-ambjent — Kunċett

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4, Artikolu 2)

    2. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414 — Prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-indikazzjonijiet li jikkostitwixxu sigriet industrijali jew kummerċjali

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4, Artikolu 4(2); Direttiva tal-Kunsill 91/414, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 14)

    3. Ambjent — Libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni — Direttiva 2003/4 — Obbligu ta’ bbilanċjar tal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ta’ tagħrif dwar l-ambjent u l-interess partikolari moqdi permezz tar-rifjut tal-iżvelar

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4, Artikolu 4; Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 14)

    Summary

    1. Il-kunċett ta’ tagħrif dwar l-ambjent imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva 90/313, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi t-tagħrif prodott fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont massimu ta’ pestiċida, ta’ komponent tagħha jew tal-prodotti ta’ trasformazzjoni tiegħu, li jistgħu jinsabu fl-ikel jew fix-xorb.

    Fil-fatt, sabiex tillimita r-riskju ta’ tibdil ta’ wieħed mill-komponenti tad-diversità bijoloġika u r-riskju ta’ tixrid ta’ dawn ir-residwi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’mod partikolari fuq il-ħamrija jew fl-ilma ta’ taħt l-art, il-provvista ta’ tagħrif dwar il-preżenza ta’ tali residwi ġo jew fuq prodott, anki jekk ma jinkludix direttament huwa stess evalwazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ dawn ir-residwi fuq is-saħħa tal-bniedem, jikkonċerna elementi tal-ambjent li jistgħu jibdlu s-saħħa tal-bniedem f’każ ta’ preżenza eċċessiva ta’ dawn ir-residwi, li huwa preċiżament dak li dan it-tagħrif huwa intiż li jivverifika.

    (ara l-punti 42 u 43, u d-dispożittiv 1)

    2. Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għandhom, bla ħsara għall-applikabbiltà eventwali tat-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu f’każ li sitwazzjoni tkun taqa’ taħt waħda minn dawk enumerati f’din l-aħħar dispożizzjoni, jiġu interpretati fis-sens li jistgħu japplikaw biss sakemm ma jippreġudikawx l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva 90/313.

    Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 14 għandu jinqara fis-sens li huwa bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4 li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-indikazzjonijiet li ġew ipprovduti mill-applikanti għal awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jikkostitwixxu sigriet industrijali jew kummerċjali jibqgħu kunfidenzjali, jekk dawn l-applikanti jressqu talba f’dan is-sens u jekk l-Istat Membru, jew il-Kummissjoni, jaċċettaw il-ġustifikazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati. Dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li jippermettu lill-Istati Membri jipprevedu li talba għal tagħrif dwar l-ambjent, ħlief jekk dan tal-aħħar ikun jikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent, tista’ tinċaħad meta l-iżvelar tal-imsemmi tagħrif jippreġudika l-kunfidenzjalità ta’ tagħrif kummerċjali jew industrijali, fil-każ li din il-kunfidenzjalità tkun prevista mil-liġi nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, jeżiġu wkoll li tali motiv għal rifjut għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess li l-iżvelar tat-tagħrif għandu għall-pubbliku, u li, f’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar jiġi bbilanċjat mal-interess moqdi bir-rifjut tal-iżvelar.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ssirilhom talba għal aċċess għal tagħrif dwar l-ambjent li ġie pprovdut mill-applikant għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li għalih it-talba għall-protezzjoni bħala sigriet industrijali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 tidhrilhom li hija ġġustifikata, dawn l-awtoritajiet huma madankollu obbligati li jilqgħu t-talba għal aċċess għal dan it-tagħrif jekk dan tal-aħħar ikun jikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent jew, fil-każijiet l-oħra, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ikun jidher superjuri għall-interess moqdi bir-rifjut tal-iżvelar.

    (ara l-punti 50, 52, 53 u 54, u d-dispożittiv 2)

    3. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva 90/313, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ibbilanċjar li huwa jippreskrivi tal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ta’ tagħrif dwar l-ambjent u tal-interess partikolari moqdi permezz tar-rifjut tal-iżvelar għandu jsir f’kull każ partikolari mressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti, anki jekk il-leġiżlatur nazzjonali jiddetermina, permezz ta’ dispożizzjoni ta’ natura ġenerali, kriterji li jippermettu li tiġi ffaċilitata din l-evalwazzjoni komparata tal-interessi inkwistjoni.

    Fil-fatt, la d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/4 ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, kif preskritt mill-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva, jista’ jiġi ssostitwit b’miżura oħra ħlief b’eżami ta’ dawn l-interessi f’kull każ partikolari. Għalhekk, dan il-fatt ma jostakolax lil leġiżlatur nazzjonali milli jiddetermina, permezz ta’ dispożizzjoni ta’ natura ġenerali, kriterji li jippermettu li tiġi ffaċilitata din l-evalwazzjoni komparata tal-interessi inkwistjoni, bil-kundizzjoni waħdanija li din id-dispożizzjoni ma teżentax lill-awtoritajiet kompetenti milli effettivament jagħmlu eżami partikolari ta’ kull sitwazzjoni mressqa quddiemhom fil-kuntest ta’ talba ta’ aċċess għal tagħrif dwar l-ambjent ppreżentata abbażi tad-Direttiva 2003/4.

    (ara l-punti 57, 58 u 59, u d-dispożittiv 3)

    Top