EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0230

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Ħalib u prodotti mill-ħalib — Taxxa fil-qasam tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib — Allokazzjoni mill-ġdid tal-parti mhux użata tal-kwantità ta’ referenza nazzjonali allokata għall-kunsinni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1788/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 2217/2004, Artikoli 5(j) u 10(3))

2. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Ħalib u prodotti mill-ħalib — Taxxa fil-qasam tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib — Allokazzjoni mill-ġdid tal-parti mhux użata tal-kwantità ta’ referenza nazzjonali allokata għall-kunsinni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1788/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 2217/2004)

3. Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Skemi ta’ appoġġ dirett fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni — Skema ta’ pagament uniku — Kunċett ta’ kwantità individwali ta’ referenza ammissibbli eliġibbli għall-premium u disponibbli fl-azjenda

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 118/2005, Artikolu 95(1), u Nru 1788/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 2217/2004, Artikolu 5(k))

Summary

1. L-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1788/2003, li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2217/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ parti mhux użata tal-kwantità ta’ referenza nazzjonali allokata għall-kunsinni għandha ssir b’mod proporzjonali għall-kwantità ta’ referenza individwali ta’ kull produttur li kkunsinna b’eċċess, jiġifieri dik iddeterminata fid-data tal-1 ta’ April tal-perijodu ta’ tnax-il xahar rilevanti, jew skont kriterji oġġettivi li għandhom jiġu ffissati mill-Istati Membri. Sa fejn il-kunċett ta’ kwantità ta’ referenza individwali, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 5(j) ta’ dan ir-regolament, jirreferi għad-data tal-bidu tal-perijodu ta’ tnax-il xahar rilevanti, dan ma jippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ trasferimenti ta’ kwantitajiet ta’ referenza li saru matul dan il-perijodu.

(ara l-punti 72, 79, dispożittiv 1)

2. Leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1788/2003, li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib, kif emendat bir-Regolament Nru 2217/2004, li jiġu ffissati kriterji oġġettivi li jipprovdu li ssir l-allokazzjoni mill-ġdid tal-parti mhux użata tal-kwantità ta’ referenza nazzjonali allokata għall-kunsinni għandha tosserva, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-għanijiet segwiti mill-Politika Agrikola Komuni, u b’mod iktar partikolari dawk intiżi mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib.

Dawn l-għanijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ din il-possibbiltà, li tippermetti lill-produtturi li kkunsinnaw b’eċċess, meta ġiet ittrasferita lilhom, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1788/2003, kif emendat, matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar rilevanti, kwantità ta’ referenza individwali li għaliha diġà kien ġie prodott u kkunsinnat ħalib għal dan l-istess perijodu mill-produttur li preċedentement kellu din il-kwantità ta’ referenza, li jipparteċipaw għal din l-allokazzjoni mill-ġdid billi jinkludu parti jew it-totalità ta’ din il-kwantità ta’ referenza. F’dan il-kuntest l-Istati Membri madankollu kellhom jiżguraw ruħhom li tali leġiżlazzjoni ma tagħtix lok għal trasferimenti li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, kellhom bħala sempliċi għan li jippermettu lil ċerti produtturi li kkunsinnaw b’eċċess jiksbu pożizzjoni iktar favorevoli meta ssir l-imsemmija allokazzjoni mill-ġdid.

(ara l-punt 79, dispożittivi 2, 3)

3. Il-kunċett ta’ “kwantità ta’ referenza individwali [kwantità individwali ta’ referenza] eliġibbli għall-‘premium’ u disponibbli fl-azjenda”, li jinsab fl-Artikolu 95(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, kif emendat bir-Regolament Nru 118/2005, li jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “kwantità tar-referenza disponibbli” ddefinit fl-Artikolu 5(k) tar-Regolament Nru 1788/2003, li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2217/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tkun ġiet ittrasferita lil produttur, matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar rilevanti, kwantità ta’ referenza li fuqha kien diġà ġie kkunsinnat ħalib mill-persuna li tittrasferixxi matul l-istess perijodu, dan ma jinkludix, fir-rigward tal-persuna li qed tirċievi t-trasferiment, il-parti tal-kwantità ta’ referenza ttrasferita li fuqha kien diġà ġie kkunsinnat ħalib eżenti mit-taxxa mill-persuna li qed tittrasferixxi.

(ara l-punt 93, dispożittiv 4)

Top