Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0221

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2371/2002 fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza fil-qasam tal-konservazzjoni — Assenza ta’ obbligu li jinġabru l-osservazzjonijiet tal-operaturi li jistgħu jintlaqtu

    (Artikolu 288 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002, Artikolu 7(1))

    2. Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Miżuri intiżi sabiex tkun affaċċjata t-theddida ta’ kollass tal-istokk tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant — Differenza fit-trattament bejn Spanja u l-Istati Membri l-oħra fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002, Artikolu 7(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 530/2008)

    Summary

    1. Il-validità tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku Nru 2371/2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd, ma hijiex affettwata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mill-fatt li dan l-artikolu ma jipprovdix, matul il-proċess ta’ adozzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, għall-possibbiltà li jinġabru l-osservazzjonijiet tal-operaturi li jistgħu jintlaqtu minn dawn il-miżuri.

    Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tar-Regolament tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa tadotta miżuri sabiex telimina theddid serju għall-konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin jew għall-ekosistema tal-baħar meta dan it-theddid ikun riżultat tal-attivitajiet tas-sajd. Għalhekk, il-miżuri adottati jolqtu lill-operaturi ekonomiċi fis-settur tas-sajd f’żona partikolari u għal speċi ħajja partikolari. Dan ifisser li l-miżura ta’ emerġenza ma tiġix adottata fid-dawl tal-interessi tal-operaturi ekonomiċi iżda bil-għan waħdieni li jiġu kkonservati r-riżorsi akwatiċi ħajjin u l-ekosistema tal-baħar. Ir-regolamenti adottati fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 7(1) japplikaw għalhekk għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt. Għaldaqstant, tali regolamenti jikkostitwixxu regolamenti fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE u, bħala tali, ma humiex koperti mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jistabbilixxi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li tolqotha b’mod negattiv.

    (ara l-punti 49-56)

    2. Ir-Regolament Nru 530/2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ bastimenti bil-purse seines li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 W, u fil-Baħar Mediterran, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku Nru 2371/2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd, huwa invalidu sa fejn, filwaqt li huwa intiż li jistabbilixxi miżuri maħsuba sabiex tiġi affaċċjata t-theddia ta’ kollass tal-istokk tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran, stabbilixxa d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri bħala s-16 ta’ Ġunju 2008 iżda ppospona din id-data għat-23 ta’ Ġunju 2008 fir-rigward tal-bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera Spanjola jew huma rreġistrati fi Spanja, b’tali mod li b’hekk ħoloq differenza fit-trattament ibbażata fuq iċ-ċittadinanza fil-konfront tal-bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera Maltija, Griega, Franċiża Taljana u Ċiprijotta jew huma rreġistrati f’dawn l-Istati Membri, mingħajr ma din id-differenza hija oġġettivament ġustifikata.

    (ara l-punt 113 u d-dispożittiv  3)

    Top