Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0162

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Dritt ta’ residenza permanenti taċ-ċittadini tal-Unjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 16(1) u (4))

    Summary

    L-Artikolu 16(1) u (4) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221, 68/360, 72/194, 73/148, 75/34, 75/35, 90/364, 90/365 u 93/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li :

    – il-perijodi ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, li ġew fi tmiemhom qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri t-30 ta’ April 2006, skont l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni qabel din id-data, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, u

    – l-assenzi mill-Istat Membru ospitanti, li huma inqas minn sentejn konsekuttivi, li seħħew qabel it-30 ta’ April 2006 u wara residenza legali kontinwa ta’ ħames snin li ġiet fi tmiemha qabel din id-data, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1).

    Ċertament, il-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti minħabba residenza legali għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, ma kinitx imniżżla fl-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni, adottati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 KE, qabel ma seħħet din id-direttiva. Madankollu, interpretazzjoni li tgħid li huma biss il-perijodi ta’ residenza legali kontinwa ta’ ħames snin li jibdew jiddekorru mit-30 ta’ April 2006 li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għanijiet tal-kisba ta’ dan id-dritt ta’ residenza permanenti twassal sabiex tali dritt jista’ jingħata biss mit-30 ta’ April 2011. Tali interpretazzjoni twassal sabiex jiċċaħħdu r-residenzi li ntemmu miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea skont l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea qabel it-30 ta’ April 2006 minn kull effett għall-finijiet tal-kisba tal-imsemmi dritt ta’ residenza permanenti, li jmur kontra l-għan tad-Direttiva 2004/38 u jċaħħad lil din tal-aħħar mill-effett utli tagħha. Minbarra dan, l-interpretazzjoni li tgħid li huma biss il-perijodi ta’ residenza legali kontinwa ta’ ħames snin li ġew fi tmiemhom fit-30 ta’ April 2006 jew wara din id-data li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, hija wkoll kuntrarja għall-għan u għall-effett utli ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ssuġġetta l-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għall-integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li jkun inkompatibbli mal-idea ta’ integrazzjoni, li hija l-bażi tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, li jitqies li l-grad miksub ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti jiddependi mill-punt dwar jekk ir-residenza kontinwa ta’ ħames snin intemmitx qabel it-30 ta’ April 2006 jew wara din id-data. Barra minn dan, sa fejn id-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 jista’ jinkiseb biss mit-30 ta’ April 2006, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel din id-data ma għandux bħala konsegwenza li jagħti effett retroattiv lill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, iżda sempliċement li jagħti effett attwali lil sitwazzjonijiet li ġew fis-seħħ qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

    Barra minn hekk, kemm l-għanijiet u l-finalità tad-Direttiva 2004/38, intiżi li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll li jsaħħu dan id-dritt fundamentali, u kemm, b’mod iktar preċiż, dawk tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, li għandhom l-għan li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u li jsaħħu s-sentiment ta’ ċittadinanza tal-Unjoni permezz tad-dritt ta’ residenza permanenti, jiġu serjament kompromessi jekk dan id-dritt ta’ residenza jiġi miċħud lil ċittadini tal-Unjoni li jkunu stabbilixxew ir-residenza legali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin li jkun ġie fi tmiemu qabel it-30 ta’ April 2006, minħabba biss li kien hemm assenzi temporanji, ta’ perijodu inqas minn sentejn konsekuttivi, li seħħew wara dan il-perijodu iżda qabel din l-istess data. Fil-fatt, sa fejn dawn il-perijodi ta’ residenza ta’ ħames snin li ġew fi tmiemhom qabel it-30 ta’ April 2006 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, dan l-Artikolu 16(4) għandu neċessarjament ikun applikabbli għall-imsemmija perijodi. Fin-nuqqas ta’ dan, l-Istati Membri jkunu obbligati jagħtu, skont l-imsemmi Artikolu 16, dan id-dritt ta’ residenza permanenti anki fil-każ ta’ assenzi sinjifikattivi li jqiegħdu inkwistjoni r-rabta bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru ospitanti.

    (ara l-punti 33, 35-38, 53, 56, 59 u d-dispożittiv)

    Top