Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 62009CJ0140

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Esklużjoni

    (Artikoli 88 KE u 234 KE)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Sussidji mħallsa lil impriża inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal ħlas ta’ akkont qabel l-approvazzjoni ta’ ftehim

    (Artikolu 87 KE)

    Summary

    1. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Hija lanqas ma tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni, inkwantu l-evalwazzjoni ta’ din il-kompatibbiltà taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni Ewropea, li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti tal-kawża prinċipali jew li tapplika d-dispożizzjonijiet Komunitarji li hija diġà interpretat għad-dispożizzjonijiet jew għas-sitwazzjonijiet nazzjonali peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali.

    Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar‑rinviju l‑elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad‑dritt Komunitarju li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità ta’ miżura nazzjonali ma’ dan id-dritt sabiex tiddeċiedi l‑kawża li jkollha quddiemha. Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hija tista’ b’mod partikolari tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jippermettulha tistabbilixxi jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

    (ara l-punti 22, 24)

    2. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li sussidji mħallsa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-pagament ta’ akkont qabel l-approvazzjoni ta’ ftehim, mingħajr l-istabbiliment minn qabel ta’ kriterji preċiżi u restrittivi, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jekk dawn is-sussidji jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkunu ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Ċertament, meta intervent mill-Istat għandu jkun ikkunsidrat bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv tas-servizzi mwettqa mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod li dawn l-impriżi ma jibbenefikawx, fir-realtà, minn vantaġġ finanzjarju u li dan l-intervent għalhekk ma għandhux l-effett li jqegħedhom f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi li jikkompetu magħhom, tali intervent ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, sabiex, f’każ konkret, kumpens bħal dan ma jaqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, iridu jiġu sodisfatti ċertu numru ta’ kundizzjonijiet.

    L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li abbażi tagħhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja meta mqabbla mal-impriżi li jikkompetu magħha. It-tielet nett, il-kumpens ma għandux jaqbeż dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż sostnuti minħabba t-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv kif ukoll qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi. Fir-raba’ lok, l-imsemmi kumpens għandu jkun iddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u li għandha l-mezzi neċessarji sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, tkun sostniet fl-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll qligħ raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi.

    Peress li s-sussidji ma jissodisfawx integralment dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jiġu esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li huma tħallsu b’akkont, sakemm jiġu approvati l-ftehim li, barra minn hekk, ġew konklużi u daħlu fis-seħħ biss ħafna snin wara, huwa indifferenti f’dan ir-rigward. Infatti, tali fatt ma jeliminax il-vantaġġ mogħti lill-impriża benefiċjarja u lanqas l-effetti li tali effett jista’ jkollu fuq il-kompetizzjoni peress li l-kundizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq ma ġewx sodisfatti.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn is-sussidji jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Stati Membri u jkunux ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    (ara l-punti 35-40, 44,45, 52 u d-dispożittiv)

    Į viršų