Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0065

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-konsumaturi — Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti tal-konsum — Drittijiet tal-konsumatur — Nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat — Tqegħid inkonformità tal-oġġett li jeħtieġ it-tibdil tiegħu

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44, premessa 1 u Artikolu 3(2) u (3))

    2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-konsumaturi — Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti tal-konsum — Drittijiet tal-konsumatur — Nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat — Tqegħid inkonformità tal-oġġett li jeħtieġ it-tibdil tiegħu

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44, Artikolu 3(3) u l-aħħar inċiż tal-Artikolu 3(5))

    Summary

    1. L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta oġġett tal-konsum mhux konformi li, qabel ma joħroġ fid-dieher id-difett, ikun ġie installat, in bona fide , mill-konsumatur inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, jitqiegħed fi stat ta’ konformità permezz ta’ tibdil, il‑bejjiegħ huwa obbligat li jew iwettaq huwa stess it-tneħħija ta’ dan l‑oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u l-installazzjoni f’dan il-post tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, jew li jbati l-ispejjeż neċessarji marbuta ma’ din it-tneħħija u ma’ din l-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali. Dan l-obbligu tal-bejjiegħ jeżisti indipendentement mill-kwistjoni jekk, taħt il-kuntratt ta’ bejgħ, il‑bejjiegħ kienx intrabat li jinstalla l-oġġett tal-konsum akkwistat inizjalment.

    Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tad-Direttiva li, kif tindika l- premessa 1 tagħha, huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn ebda waħda miż-żewġ partijiet fil-kuntratt ma tkun aġixxiet b’mod li jimplika ħtija, ikun ġustifikat li l-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jitqiegħdu għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ, u dan sa fejn dawn l-ispejjeż addizzjonali, minn naħa, kienu jiġu evitati li kieku l-bejjiegħ kien eżegwixxa b’mod korrett l-obbligi kuntrattwali tiegħu mill-ewwel u, min-naħa l-oħra, ikunu saru neċessarji sabiex l-oġġett ikun jista’ jitqiegħed fi stat ta’ konformità.

    Fil-każ li l-bejjiegħ ma jwettaqx huwa stess it-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u l-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, hija l‑qorti nazzjonali li għandha tiddetermina liema huma l-ispejjeż meħtieġa għat-tneħħija u għall-installazzjoni msemmija u li l-konsumatur jista’ jitlob ir-rimbors tagħhom.

    (ara l-punti 55, 57, 61, 62, u d-dispożittiv 1)

    2. L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lill-bejjiegħ id-dritt li jirrifjuta t-tibdil ta’ oġġett mhux konformi, liema tibdil ikun l-uniku rimedju possibbli, għar-raġuni li dan ir-rimedju jimponilu, minħabba l‑obbligu li jneħħi dan l-oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u li jinstalla f’dan il-post l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, spejjeż sproprozjonati fid-dawl tal-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u tal-portata tan-nuqqas ta’ konformità. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett difettuż u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jkun, f’tali każ, limitat għat-teħid ta’ responsabbiltà, mill-bejjiegħ, ta’ ammont proporzjonat.

    Meta teżamina jekk hemmx lok li jitnaqqas id-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż imsemmija, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u l-portata tan-nuqqas ta’ konformità, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-għan tad-Direttiva, jiġifieri li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

    Barra minn hekk, fil-każ ta’ tnaqqis tad-dritt għar-rimbors tal-imsemmija spejjeż, ikun hemm lok li l-konsumatur jingħata l-possibbiltà li jeżiġi, minflok it-tibdil tal-oġġett mhux konformi, tnaqqis adegwat tal-prezz jew it-tħassir tal-kuntratt, inkonformità mal-aħħar inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva, u dan sa fejn il-fatt li l-konsumatur ma jkunx jista’ jikseb it-tqegħid inkonformità tal-oġġett difettuż ħlief billi jbati huwa stess parti minn dawn l-ispejjeż jikkostitwixxi inkonvenjent sinjifikattiv għalih.

    (ara l-punti 76-78, u d-dispożittiv 2)

    Top