Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0057

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Interpretazzjoni mitluba dwar l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni minħabba riferiment magħmul mid-dritt nazzjonali għal konvenzjoni internazzjonali riprodotta f’dawn id-dispożizzjonijiet — Ġurisdizzjoni sabiex tingħata din l-interpretazzjoni

(Artikoli 68 KE u 234 KE)

2. Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Esklużjoni tal-istatus

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931; Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 12(2)(b) u (ċ))

3. Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Esklużjoni tal-istatus

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 12(2)(b) u (ċ))

4. Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Esklużjoni tal-istatus

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 12(2)(b) u (ċ))

5. Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Esklużjoni tal-istatus

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 3 u 12(2))

Summary

1. Peress li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata li tiddeċiedi. B’mod partikolari, la mit-termini tal-Artikolu 68 KE u tal-Artikolu 234 KE u lanqas mill-għan tal-proċedura stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma jirriżulta li l-awturi tat-Trattat KE kellhom l-intenzjoni jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja r-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw direttiva fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirreferi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoni internazzjonali li huma riprodotti minn din id-direttiva sabiex jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni kompletament interna ta’ dan l-Istat Membru. F’tali każ, jeżisti interess tal-Unjoni ċert fejn, sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti fil-futur, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali riprodotti mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li huma invokati sabiex jiġu applikati fihom.

(ara l-punt 71)

2. L-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li:

- il-fatt li persuna kienet tagħmel parti minn organizzazzjoni mniżżla fil-lista li tikkostitwixxi l-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, minħabba l-involviment tagħha f’atti ta’ terroriżmu u kienet tappoġġja b’mod attiv il-ġlieda armata mmexxija minn din l-organizzazzjoni ma jikkostiwixxix awtomatikament raġuni serja sabiex wieħed jaħseb li din il-persuna kkommettiet delitt serju mhux politiku jew atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti;

- il-konstatazzjoni, f’dan il-kuntest, li hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li persuna kkommettiet tali delitt jew li tkun ħatja ta’ tali aġir hija suġġetta għal evalwazzjoni, skont il-każ partikolari, ta’ fatti speċifiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-atti mwettqa mill-organizzazzjoni kkonċernata jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjonijiet u jekk tistax tiġi attribwita responsabbiltà individwali fit-twettiq ta’ dawn l-atti lill-persuna kkonċernata, fid-dawl tal-livell ta’ prova rikjest mill-Artikolu 12(2).

Fil-fatt, ma hemm l-ebda relazzjoni diretta bejn il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u d-Direttiva 2004/83 fir-rigward tal-għanijiet segwiti, u ma huwiex iġġustifikat li l-awtorità kompetenti, meta hija għandha l-intenzjoni li teskludi persuna mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, tibbaża ruħha biss fuq is-sħubija tagħha f’organizzazzjoni li tinsab f’lista adottata barra mill-kuntest stabbilit mid-direttiva fl-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

(ara l-punti 89, 99 u d-dispożittiv 1)

3. L-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ta’ periklu attwali għall-Istat Membru ospitanti.

(ara l-punt 105 u d-dispożittiv 2)

4. L-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ) tad-Direttiva 2004/83 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma hijiex suġġetta għal eżami ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-każ inkwistjoni.

(ara l-punt 111 u d-dispożittiv 3)

5. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu dritt ta’ ażil taħt id-dritt nazzjonali tagħhom lil persuna eskluża mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, sakemm dan it-tip ieħor ta’ protezzjoni ma jkunx jinvolvi riskju ta’ konfużjoni mal-istatus ta’ refuġjat fis-sens ta’ din id-direttiva.

(ara l-punt 121 u d-dispożittiv 4)

Top