Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0048

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Kunċett — Preżenza ta’ karatteristiċi mhux essenzjali mingħajr funzjoni teknika — Nuqqas ta’ effett fuq ir‑raġuni għal rifjut

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

    2. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Kunċett — Eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku — Nuqqas ta’ effett fuq ir-raġuni għal rifjut

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

    3. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessajra għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Kopji servili tal-forma tal-prodott — Eżami fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

    4. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

    5. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Perċezzjoni tal-konsumatur medju — Effett

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

    Summary

    1. Il-kundizzjoni dwar il-fatt li jaqa’ taħt ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, kull sinjal kompost “esklussivament” mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku hija ssodisfatta meta l‑karatteristiċi essenzjali kollha tal-forma jwieġbu għall-funzjoni teknika, peress li l-preżenza ta’ karatteristiċi mhux essenzjali mingħajr funzjoni teknika kienet, f’dan il-kuntest, irrilevanti.

    Din l-interpretazzjoni tirrifletti l-idea li l-preżenza ta’ wieħed jew ta’ xi elementi arbitrarji minuri f’sinjal tridimensjonali fejn l-elementi essenzjali kollha huma stipulati mis-soluzzjoni teknika li għaliha dan is-sinjal jagħti espressjoni ma tbiddilx il-konklużjoni li dan is-sinjal huwa kompost esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku. Minbarra dan, peress li din l-interpretazzjoni timplika li r-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament tapplika biss meta l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma kollha funzjonali, din l‑interpretazzjoni tiżgura li r-reġistrzzjoni ta’ tali sinjal bħala trade mark ma tistax tkun irrifjutata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk il‑forma tal-prodott inkwistjoni tinkorpora element mhux funzjonali maġġuri, bħal element ta’ tiżjin jew fantażist li għandu rwol importanti f’din il-forma.

    (ara l-punti 51, 52)

    2. Il-kundizzjoni li forma ta’ prodott ma tistax tkun miċħuda r‑reġistrazzjoni bħala trade mark skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja ħlief jekk hija “neċessarja” sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku msemmi iktar ’il fuq, ma tfissirx li l-forma inkwistjoni għandha tkun l‑unika li tippermetti li jinkiseb dan ir-riżultat.

    Huwa minnu li, f’ċerti każijiet, l-istess riżultat tekniku jista’ jinkiseb permezz ta’ soluzzjonijiet differenti. Għalhekk, jista’ jkun hemm forom alternattivi, li jkollhom dimensjonijiet jew disinn ieħor, li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex per se bħala konsegwenza li reġistrazzjoni bħala trade mark tal-forma inkwistjoni tħalli intatta d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika li hija tinkorpora għall-operaturi ekonomiċi l-oħra. F’dan ir-rigward, skont l‑Artikolu 9(1) tal‑imsemmi regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ forma esklużivament funzjonali ta’ prodott bħala trade mark tista’ tippermetti lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark li jipprojbixxi lill-impriżi l-oħra mhux biss l-użu tal-istess forma, iżda wkoll l-użu ta’ forom li jixxiebhu. Hemm ir-riskju li numru sinjifikattiv ta’ forom alternattivi jsiru inutilizzabbli mill-kompetituri ta’ dan il-proprjetarju. Dan ikun partikolarment hekk f’każ ta’ kumulu ta’ reġistrazzjonijiet ta’ diversi forom esklużivament funzjonali ta’ prodott, kumulu li jkun hemm riskju li jipprekludi kompletament lil impriżi oħra li jimmanifatturaw u li jikkummerċjalizzaw ċerti prodotti li għandhom funzjoni teknika partikolari.

    (ara l-punti 53-57)

    3. Is-sitwazzjoni ta’ impriża li tkun żviluppat soluzzjoni teknika fir-rigward ta’ kompetituri li jqiegħdu fis-suq kopji servili tal-forma ta’ prodott li tinkorpora eżattament l-istess soluzzjoni ma tistax tkun protetta billi jingħata monopolju lil din l-impriża permezz tar-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-sinjal tridimensjonali kompost minn din il-forma iżda tista’, skont il-każ, tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali.

    (ara l-punt 61)

    4. Applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni huma debitament identifikati mill-awtorità li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark. Għalhekk, l‑espressjoni “karatteristiċi essenzjali” għandha tinftiehem bħala li tfisser l‑elementi l-iktar sinjifikattivi tas-sinjal.

    L-identifikazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi essenzjali għandha ssir każ b’każ. Fil-fatt, ma teżisti ebda ġerarkija sistematika bejn it-tipi ta’ elementi differenti li sinjal jista’ jkollu. Min-naħa l-oħra, fir-riċerka tagħha tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ kemm tibbaża ruħha direttament fuq l-impressjoni globali mogħtija mis-sinjal, jew tipproċedi, l-ewwel nett, għal eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tas-sinjal.

    L-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali fir-rigward ta’ eventwali applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ diffikultà tagħha, isseħħ permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva ta’ dan is-sinjal jew, bil-kontra, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal stħarriġ u perizji, jew ukoll data dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

    Ladarba l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma identifikati, hija l-awtorità kompetenti li għandha tivverifika jekk dawn il-karatteristiċi jikkorrispondux għall-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni. Fil-fatt, l‑Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament ma jistax japplika meta l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tirrigwarda forma ta’ prodott li fiha element mhux funzjonali, bħal element ta’ tiżjin jew fantażist, għandu rwol importanti. F’dan il-każ, l-impriżi kompetituri għandhom faċilment aċċess għal forom alternattivi ta’ funzjonalità ekwivalenti, b’mod li ma jeżistix riskju li d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika tkun milquta. Din is-soluzzjoni tista’, f’din l-ipoteżi, tiġi inkorporata mingħajr diffikultà mill-kompetituri tal-proprjetarju tat-trade mark fil-forom ta’ prodott li ma għandhomx l-istess element mhux funzjonali li għandha l-forma tal-prodott ta’ dan il-proprjetarju u li, fir-rigward tagħha, għalhekk ma humiex la identiċi u lanqas jixxiebhu.

    (ara l-punti 68-72)

    5. Il-perċezzjoni preżunta tas-sinjal mill-konsumatur medju ma hijiex element deċiżiv fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, iżda tista’, tal-iktar, tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni utli għall-awtorità kompetenti meta din tidentifika l‑karatteristiċi essenzjali tas-sinjal.

    (ara l-punt 76)

    Top