EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0045

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Talba ġdida dwar domanda li ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja — Ammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

2. Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 6(1))

3. Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 6(1))

4. Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 2)

Summary

1. L-Artikolu 267 TFUE dejjem jippermetti lil qorti nazzjonali, jekk hija tqis neċessarju, tirreferi mill-ġdid domandi ta’ interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il‑kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il‑ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s‑sentenza tagħha, kif ukoll ir rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il‑Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi. Dan huwa l‑każ meta l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbbiltà, mad-Direttiva 2000/78, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ impjegati li jkunu laħqu l-età għal 65 sena, abbażi tal-fatt li jkollhom dritt għal pensjoni ta’ rtirar. Għaldaqstant, talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-possibbbiltà tan-natura diskriminatorja ta’ tali klawżola hija ammissibbli.

(ara l-punti 31, 32, 34, 35)

2. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha jitqiesu bħala validi l-klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-fatt li l-impjegat ikun laħaq l-età tal-irtirar, sa fejn, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol, u min-naħa l-oħra, il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. L-implementazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv ma hijiex, bħala tali, eżenti minn kull stħarriġ ġudizzjarju iżda, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, hija wkoll għandha tfittex għan leġittimu b’mod xieraq u neċessarju.

Fil-fatt, min-naħa, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq tali għan, tali klawżoli huma oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati peress li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar tibbenefika direttament lil ħaddiema żgħażagħ billi tiffavorixxi l-integrazzjoni professjonali tagħhom li saret diffiċli f’kuntest ta’ qagħad persistenti u li d-drittijiet tal-ħaddiema ikbar fl-età jkunu protetti b’mod xieraq. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, demografiċi u/jew tal-baġit u jiddependi mill-għażla li ttawwal it-tul tal-ħajja attiva tal-ħaddiema jew, bil-kontra, li tipprevedi l-irtirar kmieni ta’ dawn tal-aħħar.

Min-naħa l-oħra, dan il-mekkaniżmu, distint mit-tkeċċija u mir-riżenja, għandu bażi fi ftehim. Huwa mhux biss jagħti lill-impjegati u lil min iħaddem, iżda wkoll lill-imsieħba soċjali, il-fakultà li jagħmlu użu, permezz ta’ ftehim kollettiv u għaldaqstant bi flessibbiltà kunsiderevoli, mill-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu, b’mod li jistgħu jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni mhux biss is-sitwazzjoni globali tas-suq tax-xogħol ikkonċernat, iżda wkoll il-karatteristiċi speċifiċi għall-impjiegi inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jidhirx li huwa irraġonevoli għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jqisu li miżura bħal dik tal-awtorizzazzjoni ta’ klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-fatt li l impjegat ikun laħaq l-età ta’ dritt għal pensjoni, tista’ tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi li jaqgħu fil-kuntest tal-politika nazzjonali tax-xogħol u tal-impjieg.

(ara l-punti 41, 43, 44, 49, 51, 53 u d-dispożittiv1)

3. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura bħall-klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar stabbilita għal 65 sena, prevista fil-ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali għall-ħaddiema impjegati fis-settur tat-tindif industrijali.

Fil-fatt, min-naħa, billi tiggarantixxi lill-ħaddiema ċerta stabbiltà fl-impjieg u, fuq perijodu itwal, il-wegħda ta’ pensjoni ta’ rtirar prevedibbli, u billi toffri lil min iħaddem ċerta flessibbiltà fil-ġestjoni tal-persunal tagħhom, il‑klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratti ta’ xogħol hija r‑rifless ta’ bilanċ bejn l-interessi diversi iżda madankollu leġittimi, sottoskritti f’kuntest kumpless ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, marbuta mill-qrib mal-għażliet politiċi fil-qasam tal-irtirar u tal-impjieg.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma tipprojbixxix lil persuna li tkun laħqet l-età li tippermettilha tikseb il-likwidità tad-drittijiet tal-pensjoni tagħha milli tkompli taħdem u li, barra min hekk, ħaddiem li jinsab f’tali sitwazzjoni jkompli jibbenefika mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, it-terminazzjoni ipso iure tal-kuntratt ta’ xogħol ma għandhiex l-effett awtomatiku li ġġiegħel lill-persuni msemmija jirtiraw definittivament mis-suq tax-xogħol. Konsegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistabbilixxix sistema imperattiva ta’ rtirar ex officio . Hija ma tipprekludix ix-xewqa ta’ ħaddiem li, pereżempju għal raġunijiet finanzjarji, jixtieq ikompli jaħdem lil hinn mill-età tal-irtirar u ma ċċaħħadx mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età l-impjegati li jkunu laħqu l-età tal-rtirar meta dawn tal-aħħar ikunu jixtiequ jibqgħu attivi u jfittxu impjieg ġdid. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għanijiet mixtieqa, b’kunsiderazzjoni għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rikonoxxut lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg.

(ara l-punti 68, 74-77 u d-dispożittiv 2)

4. L-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jiddikjara ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv li jinkludi klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratti ta’ xogħol ta’ ħaddiema impjegati fis-settur tat-tindif industrijali, sakemm dan ma jċaħħadx lill-ħaddiema li jaqgħu taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim mill-protezzjoni li tingħatalhom bid-dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

Fil-fatt, id-Direttiva 2000/78 ma tirregolax, bħala tali, il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv anki jekk l-Istati Membri huma marbuta jiżguraw, permezz ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi xierqa, li l‑ħaddiema kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sħiħa li tingħatalhom bis-saħħa tad-Direttiva 2000/78 kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

(ara l-punti 79, 80 u d-dispożittiv 3)

Top