EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0019

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li huwa l-bażi tat-talba — Kuntratt għal provvista ta’ servizzi — Numru ta’ postijiet ta’ provvista ta’ servizzi fi Stati Membri differenti — Applikabbiltà tar-regolament

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b))

2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li huwa l-bażi tat-talba — Kuntratt għal provvista ta’ servizzi — Rappreżentanza kummerċjali — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b)

Summary

1. It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri. Fil-fatt, l-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà, permezz tal-konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-post tal-provvista ta’ servizzi, abbażi tal-kuntratt inkwistjoni, u permezz tal-fatt li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni waħda għat-talbiet kollha bbażati fuq dan il-kuntratt, ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod differenti fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ provvista ta’ servizzi inkwistjoni fi Stati Membri differenti.

(ara l-punti 27, 29 u d-dispożittiv 1)

2. It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet kollha bbażati fuq il-kuntratt hija l-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi. Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali, dan il‑post huwa l-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi tal-aġent, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt. Fil-fatt, id‑determinazzjoni tal-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi skont l‑għażla kuntrattwali tal-partijiet tissodisfa l-għan ta’ prossimità, peress li dan il-post għandu, min-natura tiegħu, rabta mal-mertu tal-kawża.

Jekk id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ma jippermettux li jiġi ddeterminat il‑post tal-provvista prinċipali ta’ servizzi, iżda l-aġent jkun diġà pprovda tali servizzi, għandu, sussidjarjament, jittieħed inkunsiderazzjoni l-post fejn huwa jkun effettivament wettaq parti kbira tan-negozju tiegħu b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li l-provvista ta’ servizzi f’tali post ma tmurx kontra r-rieda tal-partijiet kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt. Għal dan il-għan, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża, b’mod partikolari, l-ammont ta’ ħin f’dawn il-postijiet u l-importanza tal-attività li twettqet hemmhekk.

Fl-aħħar nett, jekk ikun impossibbli li jiġi ddeterminat il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi fuq tali bażijiet, għandu jitqies bħala l-post tal-provvista ta’ servizzi l-post tad-domiċilju tal-aġent kummerċjali. Fil-fatt, dan il-post dejjem jista’ jiġi identifikat b’ċertezza u għalhekk huwa prevedibbli. Barra minn hekk, huwa għandu rabta ta’ prossimità mal-kawża peress li, x’aktarx, l-aġent kummerċjali jipprovdi parti sostanzjali mis-servizzi tiegħu hemmhekk.

(ara l-punti 36, 38-43 u d-dispożittiv 2)

Top