Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008FO0048

    Sommarju tad-digriet

    Staff case summary

    Staff case summary

    Sommarju

    1. Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Introduzzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Libertà tal-qorti li tadotta digriet fuq il-bażi tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    (Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 76 u 78)

    2. Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Rikors ippreżentat mingħajr il-patroċinju ta’ avukat

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1))

    1. Anki quddiem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut b’att separat, fuq il-bażi tal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u ta’ osservazzjonijiet fuq din l-eċċezzjoni ppreżentati mir-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jibqa’ liberu, jekk l-inammissibbiltà tar-rikors tidhirlu manifesta, li jadotta digriet fuq il-bażi tal-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament.

    (ara l-punt 23)

    Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 6 ta’ Marzu 2008, R bis vs Il‑Kummissjoni, F‑105/07, Ġabra p. I‑0000

    2. Jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mill-kelma “rappreżentati”, li sabiex jiġi ppreżentat rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, “partijiet” fis-sens ta’ dan l-artikolu ghandhom jużaw is-servizzi ta’ terz li għandu jkun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li jkun parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

    Ebda deroga jew eċċezzjoni għal dan l-obbligu ma hija prevista la mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, peress li l-preżentata ta’ applikazzjoni ffirmata mir-rikorrent stess, anki jekk ikun avukat awtorizzat jidher quddiem qorti nazzjonali, ma tistax tkun biżżejjed sabiex jiġi ppreżentat rikors. Dan ir-rekwiżit jikkorrispondi għall-kunċett tar-rwol tal-avukat li huwa kkunsidrat bħala kollaboratur tal-ġustizzja u huwa msejjaħ sabiex jipprovdi, b’indipendenza totali u fl-interess ogħla tagħha, l-għajnuna legali li parti fil-kawża jkollha bżonn. Dan il-kunċett jirrifletti t-tradizzjonijiet ġuridiċi komuni għall-Istati Membri u jinsab ukoll fis-sistema legali Komunitarja, kif jirriżulta, preċiżament, mill-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, l-avukat li huwa, fl-istess ħin, il-parti li huwa jirrappreżenta, jirriskja, minħabba r-rabta personali tiegħu mal-kawża inkwistjoni, li ma jkunx fil-pożizzjoni li jissodisfa dan ir-rwol essenzjali ta’ kollaboratur tal-ġustizzja bl-iktar mod adegwat.

    L-obbligu li jsir użu minn terz sabiex tiġi żgurata r-rappreżentanza tagħha quddiem il-qrati tas-sistema Komunitarja ma jċaħħadx lill-parti inkwistjoni minn mezzi ta’ difiża u għalhekk ma jippreġudikax id-drittijiet tad-difiża. Minbarra dan, dan l-obbligu jqiegħed lill-partijiet fl-istess kundizzjonijiet ta’ difiża, indipendentement mill-kapaċità professjonali tagħhom, u għalhekk ma jiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    (ara l-punti 31 sa 36)

    Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑174/96 P, Ġabra p. I‑6401, punti 8 u 10 sa 12; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Diċembru 1999, Euro‑Lex vs UASI (EU‑LEX), T‑79/99, Ġabra p. II‑3555, punt 28; 13 ta’ Jannar 2005, Sulvida vs Il‑Kummissjoni, T‑184/04, Ġabra p. II‑85, punti 8 u 9

    Top