This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008FJ0097
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)
1 ta’ Lulju 2010
Kawża F-97/08
Paulette Füller-Tomlinson
vs
Il-Parlament Ewropew
“Servizz pubbliku — Ex membru tal-persunal temporanju — Marda kkaġunata mix-xogħol — Preġudizzju għall-integrità fiżika u psikika — Tul tal-proċedura intiża għar-rikonoxximent li marda hija kkaġunata mix-xogħol”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Füller-Tomlinson, ex membru tal-persunal temporanju tal-Parlament, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, tad-9 ta’ April 2008, li tiffissa preġudizzju għall-integrità fiżika u psikika għal 20 %.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż kollha.
Sommarju
1. Uffiċjali — Rikors — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Ammissibbiltà
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
2. Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Motiv li ma huwiex espliċitament imniżżel fl-ilment, iżda huwa invokat impliċitament — Ammissibbiltà
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
3. Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità — Iffissar permezz tal-iskala ta’ rata jew ta’ kategorija ta’ rata ta’ invalidità — Legalità — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73(1); Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 11)
4. Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Rikonoxximent li marda hija kkaġunata mix-xogħol u l-iffissar tal-livell ta’ invalidità permanenti — Proċedura
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikoli 18 u 20)
1. It-talbiet għal annullament formalment imressqa kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom bħala effett li jitressaq quddiem it-Tribunal għal-Servizz Pubbliku l-att li kontrih l-ilment kien ġie ppreżentat, meta dawn huma, bħala tali, mingħajr kontenut awtonomu.
(ara l-punt 43)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-309/03, Ġabra p. II-1173, punt 43; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Diċembru 2008, Reali vs Il-Kummissjoni, F-136/06, ĠabraSP p. I-A-1-451 u II-A-1-2495, punt 37
2. Sabiex motiv li ma kienx evokat b’mod espliċitu fl-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel ikun ammissibbli, huwa biżżejjed li r-rikorrent f’dan l-istadju jkun għamel riferiment għalih b’mod impliċitu. Fil-fatt, peress li l-proċedura prekontenzjuża għandha natura informali u l-partijiet ikkonċernati jaġixxu inġenerali, f’dan l-istadju, mingħajr l-assistenza ta’ avukat, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li ma tinterpretax l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda bil-kontra li teżaminahom f’sens wiesa’.
Id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ konkordanza tfixkel l-ekwilibriju bejn il-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tal-uffiċjal u l-għan tal-proċedura prekontenzjuża, u għalhekk tikkostitwixxi sanzjoni sproporzjonata u inġustifikata għall-uffiċjal. Fil-fatt, minħabba n-natura intrinsikament ġuridika ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, kif ukoll minħabba r-raġunament li wassal lill-parti kkonċernata sabiex tfittex u tqajjem tali illegalità, ma jistax jiġi mitlub mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal li jressaq ilment, u li mhux neċessarjament għandu l-kapaċitajiet ġuridiċi adegwati, li jifformula tali eċċezzjoni diġà fl-istadju prekontenzjuż, u dan taħt piena ta’ inammissibbiltà sussegwenti. Dan b’mod iktar speċifiku peress li, li titqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fl-istadju prekontenzjuż ma huwiex, a priori, ta’ natura li jippermetti lill-persuna li tagħmel l-ilment li tirbaħ kawża f’dan l-istadju, peress li, barra l-każijiet ipotetiċi ta’ illegalità manifesta, huwa ftit probabbli li l-amministrazzjoni taċċetta li ma tapplikax dispożizzjoni fis-seħħ billi tilqa’ l-argument tar-rikorrent li jgħid li din id-dispożizzjoni tikser regola ta’ grad superjuri.
(ara l-punti 55 u 57)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Jannar 1997, Vanderhaeghen vs Il-Kummissjoni, T-297/94, ĠabraSP p. I-A-7 u II-13, punt 37; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 tal-Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament, F-45/07, punt 121
3. Il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali jista’ jeżerċita biss kontroll tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni jew tal-qbiż mill-istituzzjonijiet tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Iktar preċiżament, l-istħarriġ mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-legalità tal-iffissar permezz tal-iskala ta’ rata jew ta’ kategorija ta’ rata ta’ invalidità jista’ jkun biss limitat ħafna, fid-dawl, minn naħa, tal-evalwazzjonijiet mediċi kumplessi li toħloq din l-iskala u min-naħa l-oħra, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-istituzzjonijiet, skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol.
(ara l-punti 70 u 101)
4. Sabiex kummissjoni medika validament tagħti parir mediku, hemm bżonn li hija tkun fil-pożizzjoni li ssir taf bid-dokumenti kollha li jistgħu jkunu utli għaliha għall-evalwazzjonijiet tagħha Dan ir-raġunament għandu jiġi applikat, b’analoġija, għall-konklużjonijiet mogħtija minn tabib wieħed jew iktar innominati mill-istituzzjonijiet skont l-Artikoli 18 u 20 tal-leġiżlazzjoni komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ investigazzjoni kompleta u fin-nuqqas ta’ rapport ġenerali tal-investigazzjoni li tkun saret, it-tabib innominat mill-istituzzjoni ma huwiex fil-pożizzjoni li validament jagħti l-konklużjonijiet tiegħu previsti fl-Artikolu 18 tar-regoli ta’ assigurazzjoni.
(ara l-punt 163)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Lulju 1997, R vs Il-Kummissjoni, T-187/95, ĠabraSP p. I-A-253 u II-729, punt 49; 15 ta’ Diċembru 1999, Nardone vs Il-Kummissjoni, T-27/98, ĠabraSP p. I-A-267 u II-1293, punt 68; 3 ta’ Marzu 2004, Vainker vs Il-Parlament, T-48/01, ĠabraSP p. I-A-51 u II-197, punti 129 u 133