This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CV0001
Sommarju tal-opinjoni
Sommarju tal-opinjoni
Opinjoni 1/08
Opinjoni mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 300(6) KE
“Opinjoni mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 300(6) KE — Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) — Skedi ta’ rabtiet speċifiċi — Konklużjoni ta’ ftehim dwar l-aġġustamenti kumpensatorji li għandhom jiġu pprovduti fid-dawl tal-modifika u l-irtirar ta’ ċerti rabtiet wara l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda fl-Unjoni Ewropea — Kompetenza kondiviża — Bażijiet legali — Politika kummerċjali komuni — Politika komuni tat-trasport”
Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-30 ta’ Novembru 2009 I ‐ 11134
Sommarju tal-opinjoni
Ftehim internazzjonali – Konklużjoni – Opinjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja – Suġġett
(Artikolu 300(6) KE)
Ftehim internazzjonali – Kompetenzi tal-Komunità u tal-Istati Membri – Konklużjoni ta’ ftehim fil-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
(Artikolu 133(5) u (6) KE)
Ftehim internazzjonali – Kompetenzi tal-Komunità u tal-Istati Membri – Konklużjoni ta’ ftehim fil-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE)
Ftehim internazzjonali – Kompetenzi tal-Komunità u tal-Istati Membri – Konklużjoni ta’ ftehim fil-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE)
Ftehim internazzjonali – Kompetenzi tal-Komunità u tal-Istati Membri – Konklużjoni ta’ ftehim fil-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
(it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE)
Ftehim internazzjonali – Kompetenzi tal-Komunità u tal-Istati Membri – Konklużjoni ta’ ftehim fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi ta’ trasport
(it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 133(6) KE)
Fil-qafas tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 300(6) KE intiż sabiex jikseb l-opinjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità, għandhom jiġu aċċettati l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jkunu suġġetti għal evalwazzjoni ġudizzjarja, sakemm dawn il-kwistjonijiet jagħtu lok għal dubji dwar il-validità sostantiva jew proċedurali tal-ftehim fir-rigward tat-Trattat. Fil-fatt, is-sentenza dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim mat-Trattat tista’, f’dan ir-rigward, tiddependi mhux biss fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv, iżda wkoll fuq dawk li jikkonċernaw il-kompetenza, il-proċedura jew l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Komunità.
L-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinkiseb fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kondiviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri sabiex jiġi konkluż ftehim partikolari ma’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 107(2) tar-Regoli tal-Proċedura jikkonferma din l-interpretazzjoni.
Barra minn hekk, l-għażla tal-bażi legali xierqa għandha importanza kostituzzjonali. Fil-fatt, peress li l-Komunità għandha biss kompetenzi attribwiti, hija jkollha torbot il-ftehim li jkun beħsiebha tikkonkludi ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li tagħtiha s-setgħa li tapprova tali att. L-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’ fil-fatt iwassal sabiex l-att stess li jikkonkludi l-ftehim jiġi ddikjarat invalidu, u għaldaqstant, jiġi vvizzjat il-kunsens tal-Komunità li tintrabat bi ftehim li tkun iffirmat. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta t-Trattat ma jagħtix kompetenza suffiċjenti lill-Komunità sabiex tkun tista’ tirratifika l-ftehim kollu, u f’sitwazzjoni bħal din ikun meħtieġ li tiġi eżaminata l-kondiviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri sabiex jiġi konkluż il-ftehim propost ma’ pajjiżi terzi, jew meta l-bażi legali xierqa tal-imsemmi att li jikkonkludi l-ftehim tistabbilixxi proċedura leġiżlattiva differenti minn dik li tkun ġiet effettivament segwita mill-istituzzjonijiet Komunitarji.
(ara l-punti 108-110)
Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, li ġie introdott permezz tat-Trattat ta’ Nice, jirriżulta li l-Komunità issa għandha kompetenza sabiex tikkonkludi, skont il-politika kummerċjali komuni, ftehim internazzjonali dwar il-kummerċ fis-servizzi pprovduti skont il-modi 2 sa 4, fis-sens tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Tali modi ta’ provvista ta’ servizzi li l-GATS isejjaħ “il-konsum barra mill-pajjiż”, “preżenza kummerċjali” u “preżenza ta’ persuni naturali”, rispettivament, u li qabel ma kinux jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni issa jaqgħu taħtha skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 133(5) u (6) KE.
(ara l-punt 119)
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, li jistabbilixxi l-kompetenza Komunitarja esterna fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali fis-servizzi skont il-modi 2 sa 4, fis-sens tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jispeċifika espressament li din il-kompetenza hija “bla preġudizzju” għall-paragrafu 6 ta’ din id-dispożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tenfasizza, fit-tieni subparagrafu tagħha, li “b’deroga” għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, il-ftehim fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi kulturali u awdjoviżivi, edukattivi, soċjali u dawk tas-saħħa tal-bniedem jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u għandhom jiġu konklużi b’mod konġunt mill-Istati Membri u l-Komunità.
Mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta għalhekk li, kuntrarjament għall-ftehim dwar il-kummerċ fis-servizzi li ma jikkonċernawx is-servizzi identifikati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, ftehim li huma relatati ma’ dawn is-servizzi ma jistgħux jiġu konklużi mill-Komunità waħedha, iżda tali konklużjoni tirrikjedi l-parteċipazzjoni konġunta tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha.
Billi jistipulata azzjoni komuni tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha abbażi tal-kompetenza kondiviża li għandhom, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jippermetti li jiġi segwit l-interess tal-Komunità li tiġi implementata politika kummerċjali esterna kompleta, koerenti u effettiva, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi partikolari li l-Istati Membri jkunu jixtiequ jenfasizzaw fl-oqsma sensittivi li tidentifika din id-dispożizzjoni. Il-ħtieġa ta’ għaqda fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità titlob, barra minn hekk, kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji fin-negozjati u fil-konklużjoni ta’ tali ftehim.
(ara l-punti 132-134, 136)
Interpretazzjoni fis-sens li huma biss il-ftehim li jirrigwardaw esklużivament jew prinċipalment il-kummerċ fis-servizzi fis-setturi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE li huma koperti minn din id-dispożizzjoni, minbarra l-fatt li ma ssib l-ebda sostenn fit-test ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni li, huwa li l-Istati Membri jibqgħu jħadnu kompetenza esterna effettiva fl-oqsma sensittivi li hija tkopri.
Fil-fatt, il-konsegwenza ta’ tali interpretazzjoni kienet tkun li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE l-ftehim kollha msejħa “orizzontali” u li jirrigwardaw il-kummerċ fis-servizzi fit-totalità tagħhom. Barra minn hekk, minn din l-interpretazzjoni jirriżulta li dispożizzjonijiet internazzjonali b’suġġett strettament identiku fi ftehim u li jirrigwardaw is-setturi tas-servizzi sensittivi msemmija f’dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jaqgħu jew ma jaqgħux taħt il-kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha li tirreferi għaliha din id-dispożizzjoni, sempliċement skont jekk il-partijiet kontraenti fil-ftehim ikunux iddeċidew li jittrattaw biss il-kummerċ f’tali servizzi sensittivi, jew jekk ikunux ftehmu li jittrattaw fl-istess waqt dan il-kummerċ u kummerċ fi kwalunkwe tip ta’ servizzi oħra, jew is-servizzi kollha flimkien.
(ara l-punti 138-140)
Il-fatt, li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE jipprovdi li l-att Komunitarju li jikkonkludi ftehim orizzontali relatat mal-kummerċ fis-servizzi jeħtieġ l-unanimità fi ħdan il-Kunsill sakemm tali ftehim jirrigwarda wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-kompetenza Komunitarja sabiex jiġi konkluż tali ftehim għandha, kuntrarjament għall-każ ta’ ftehim settorjali li jirrigwardaw speċifikatament l-oqsma sensittivi msemmija f’dan it-tieni subparagrafu, tkun waħda esklużiva.
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE jistabbilixxi regola li l-għan tagħha huwa li tindika b’liema mod għandha tiġi eżerċitata l-kompetenza Komunitarja u mhux li tispeċifika n-natura ta’ din il-kompetenza. Barra minn hekk, il-ħtieġa tal-unanimità fi ħdan il-Kunsill għall-adozzjoni tal-att Komunitarju li jikkonkludi ftehim ma huwa bl-ebda mod inkompatibbli mal-fatt li tali konklużjoni taqa’ taħt kompetenza kondiviża mal-Istati Membri.
(ara l-punti 141, 142)
Interpretazzjoni fis-sens li huma biss il-ftehim li jirrigwardaw esklużivament jew prinċipalment il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport li huma koperti mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, iċċaħħad, b’mod sostanzjali, lil din id-dispożizzjoni mill-effettività tagħha. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni twassal sabiex dispożizzjonijiet internazzjonali b’suġġett strettament identiku fi ftehim xi drabi jaqgħu taħt il-politika tat-trasport, u xi drabi taħt il-politika kummerċjali, sempliċement skont jekk il-partijiet kontraenti tal-ftehim ikunux iddeċidew li jittrattaw biss il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport, jew jekk ikunux ftehmu li jittrattaw fl-istess waqt dan il-kummerċ u kummerċ fi kwalunkwe tip ta’ servizzi oħra jew is-servizzi kollha flimkien.
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE min-naħa l-oħra huwa intiż sabiex, fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali fis-servizzi tat-trasport, iżomm paralelliżmu fundamentali bejn il-kompetenza interna li hija eżerċitata bl-adozzjoni unilaterali ta’ regoli Komunitarji u l-kompetenza esterna li topera permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, biż-żewġ kompetenzi jibqgħu, taħt it-titolu tat-Trattat speċifikament dwar il-politika komuni tat-trasport.
Għaldaqstant, l-aspett tat-“transport” tal-ftehim mal-Membri affettwati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li għandhom bħala għan li jimmodifikaw l-Iskedi ta’ Rabtiet Speċifiċi tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) jaqa’, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, taħt il-qasam tal-politika tat-trasport u mhux taħt dak tal-politika kummerċjali komuni.
(ara l-punti 163, 164, 173)