Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0569

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Dritt tal-Unjoni – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 874/2004, Artikolu 21(3)(a) sa (e))

    2. Netwerks trans-Ewropej – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Internet – Implementazzjoni tal-funzjonijiet ta’ dominju tal-ogħla livell – Reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 874/2004, Artikolu 21(1)(b) u (3))

    Summary

    1. L-Artikolu 21(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004, li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implementazzjoni u l-funzjonijiet tad-dominju tal‑ogħla livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l- tista’ tiġi pprovata minn ċirkustanzi oħra barra dawk enumerati fil-punti (a) sa (e) ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fil-fatt, in-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att Komunitarju teskludi li test jitqies seperatament f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li huwa jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha.

    L-għan li b’hekk jitwaqqfu r-reġistrazzjonijiet spekulattiv jew abbużivi ta’ ismijiet ta’ dominju, li jistgħu, min-natura tagħhom stess, jiġu kkaraterizzati minn diversi ċirkustanzi fattwali u ġuridiċi, jiġi kompromess jekk il- mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004 tkun tista’ tiġi pprovata biss permezz taċ-ċirkustanzi enumerati fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

    (ara l-punti 35, 37, 39 u d-dispożittiv 6)

    2. Sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix aġir b’ mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 874/2004, moqri flimkien tal-Artikolu 21(3), il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, u b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark inkisbet u dawk li fihom l-isem ta’ dominju tal-ogħla livell .eu ġie rreġistrat.

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark inkisbet, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari:

    l-intenzjoni li t-trade mark ma tintużax fis-suq li għalih intalbet il‑protezzjoni;

    il-preżentazzjoni tat-trade mark;

    il-fatt li ġie rreġistrat numru għoli ta’ trade marks oħra li jikkorrispondu għal denominazzjonijiet ġeneriċi, u

    il-fatt li t-trade mark tkun ġiet irreġistrata ftit qabel il-bidu tar-reġistrazzjoni f’fażijiet ta’ ismijiet ta’ dominju tal-ogħla livell .eu.

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom l-isem tad-dominju tal-ogħla livell .eu ġie rreġistrat, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari:

    l-użu abbużiv ta’ karattri speċjali jew sinjali ta’ punteġġatura, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ traskrizzjoni stabbiliti f’dan l-artikolu;

    ir-reġistrazzjoni matul l-ewwel parti tar-reġistrazzjoni f’fażijiet prevista minn dan ir-regolament abbażi ta’ trade mark artifiċjali maħluqa u rreġistrata sabiex tevadi din il-proċedura ta’ reġistrazzjoni f’fażijiet, u

    il-fatt li ġie rreġistrat numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ dominju li jikkorrispondu għal denominazzjonijiet ġeneriċi.

    Fil-fatt, ma hemm xejn, fil-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004, li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell the.eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni, li tindika l-eżistenza ta xi tip ta’ ġerarkija bejn it-tliet regoli ta’ traskrizzjoni. Mill-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ domiju tal-ogħla livell .eu fuq il-bażi ta’ dritt preċedenti tikkonsisti fir-reġistrazzjoni tal-isem sħiħ li għalih jeżisti dritt preċedenti, kif indikat fid-dokumentazzjoni li turi l-eżistenza ta’ dan id-dritt. Peress li certi karattri speċjali li jistgħu jidhru f’isem li fir-rigward tiegħu hemm dritt preċedenti ma jistgħux madankollu jidhru f’isem ta’ dominju minħabba restrizzjonijiet ta’ natura teknika, il-leġiżlatur ippreveda, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 874/2004, regoli ta’ traskrizzjoni ta’ dawn il-karattri speċjali.

    Mill-qari flimkien tal-Artikoli 10(2) u 11 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ traskrizzjoni stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 11 hija suġġetta għall-għan li tiġi ggarantita l-identiċità jew il-konkordanza l-iktar viċina bejn l-isem ta’ dominju li tiegħu qed tintalab ir-reġistrazzjoni u l-isem li fir-rigward tiegħu qed jiġi invokat dritt preċedenti.

    Il-preżenza ta’ karattri speċjali fl-isem li fir-rigward tiegħu qed jiġi invokat dritt preċedenti kif ukoll l-għażla operata minn dak li jitlobha fir-rigward tat-tliet regoli ta’ traskrizzjoni tal-karattri li jinsabu fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-eliminazzjoni, is‑sostituzzjoni b’sink jew l-espressjoni b’karattri normali, jistgħu b’hekk jindikaw l-eżistenza ta’ aġir b’ mala fide fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fil-każ fejn l-isem ta’ dominju li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni ma jkunx jaqbel mal-isem li fir-rigward tiegħu ġie invokat dritt preċedenti.

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li, fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju, il-proprjetarju tad-dritt nazzjonali u/jew Komunitarju ma kienx magħruf minn min ikun għamel it-talba huwa irrilevanti. Peress li l-eżistenza ta’ drittijiet preċedenti fuq isem li jikkorrispondi għal denominazzjoni ġenerika ma tistax tiġi eskluża, aġir li jfittex manifestament li jevadi l-proċedura ta’ reġistrazzjoni f’fażijiet stabbilita bir-Regolament Nru 874/2004 timplika r-riskju li tikkawża ħsara lid-detenturi ta’ dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ aġir bħal dan iwassal għat-tfittxija ta’ vantaġġ indebitu għad-detriment ta’ kull persuna interessata oħra mill-istess isem ta’ dominju li ma għandhiex dritt preċedenti li tista’ tinvoka u li għandha għaldaqstant tistenna l-ftuħ ġenerali tar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ dominju tal-ogħla livell .eu sabiex tkun tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

    (ara l-punti 57, 60, 63, 72, 75, 77 u d-dispożittivi 1-2)

    Top