This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0537
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna — Portata — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni
(Artikoli 87 KE u 88 KE)
2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Skema ġenerali ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni — Skema li teskludi l-impriżi f’diffikultà u l-impriżi privati — Nuqqas ta’ restrizzjonijiet espliċiti li jikkonċernaw dawn l-impriżi fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fiha nfisha — Aspettattivi leġittimi tal-impriżi li bbenefikaw illegalment minn din l-għajnuna — Assenza
(Artikoli 87 KE u 88 KE)
1. Il‑portata ta’ deċiżjoni li biha l-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata minn Stat Membru għandha tiġi ddeterminata mhux biss b’riferiment għat-test stess tal-imsemmija deċiżjoni, li tagħha jiġi ppubblikat biss sunt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, imma wkoll billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Istat Membru kkonċernat.
Talba għal informazzjoni supplimentari, li biha l-Kummissjoni titlob tagħrif komplementari fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata minn Stat Membru, kif ukoll ir-risposta tal-awtoritajiet nazzjonali lil din it-talba, għandhom jitqiesu li huma parti indiviżibbli mill-iskema ta’ għajnuna nnotifikata. Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, huwa preċiżament fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata.
(ara l-punti 44, 45)
2. Id-dritt li wieħed jinvoka l‑protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa miftuħ għal dawk li jinsabu f’sitwazzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, hija u tagħtihom assigurazzjonijiet preċiżi, tkun ħolqot aspettattivi leġittimi fil-konfront tagħhom. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata.
Issa, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata, in-nuqqas, f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ din l-iskema, ta’ restrizzjoni espliċita f’dak li jirrigwarda l-impriżi f’diffikultà u l-impriżi privati ma jistax, fih innifsu, jiġi assimilat ma informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti mogħtija mill-Kummissjoni lill-persuna interessata fir-rigward tal-fatt li dawn l-iskemi jippermettu l-għoti ta’ għajnuna lil dawn l-impriżi, u ma jistax għaldaqstant joħloq l-aspettattivi leġittimi tagħha fir-regolarità tas-sussidji li jkunu ngħataw lilha. Bil-kontra, peress li l-possibbiltà li tingħata għajnuna lil dawn l-impriżi hija almenu inċerta, dan in-nuqqas ta’ restrizzjoni espliċita ma għandux joħloq assigurazzjonijiet preċiżi li jistgħu joħolqu xi forma ta’ aspettattivi leġittimi fil-persuna interessata.
(ara l-punti 63-66)