EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0515

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi

(Artikoli. 56 TFUE u 57 TFUE)

2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi

(Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE)

Summary

1. L-Artikoli 56 TFUE U 57 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor li tikkolloka ħaddiema fit-territorju tal-ewwel Stat, it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel sa fejn il-bidu tal-kollokament ippjanat ikun suġġett għan-notifika, lil din il-persuna li timpjega, ta’ numru ta’ reġistrazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni u fejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan l-ewwel Stat Membru ikollhom terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol, mid-data ta’ riċezzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, biex jagħmlu din in-notifika.

Fil-fatt, sa fejn tali notifika għandha tippreċedi l-kollokament, minn persuna li timpjega, tal-ħaddiema tiegħu u ssir biss wara l-istħarriġ mill-awtoritajiet nazzjonali tal-konformità tad-dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel, tali proċedura għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda li għandha n‑natura ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva li tista’ tostakola, b’mod partikolari minħabba t-terminu previst għall-għoti ta’ din in-notifika, il-kollokament mistenni u, konsegwentement, l-eżerċizzju, mill-persuna li timpjega l-ħaddiema li għandhom jiġu kkollokati, ta’ attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi, b’mod partikolari meta s‑servizz li għandu jitwettaq għandu jitwettaq b’ċerta ħeffa. Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit li tintbagħat dikjarazzjoni ta’ kollokament minn qabel, kif ukoll in-notifika tan-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

Restrizzjoni bħal din ma hijiex ġustifikata bil-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema. Ċertament, it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kollokament li ssir minn qabel tidher bħala mezz approprjat biex tiġi kkomunikata l‑informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, proċedura ta’ reġistrazzjoni u ta’ notifika, li permezz tagħha, id‑dikjarazzjoni tassumi natura ta’ awtorizazzjoni amministrattiva, tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex tiġi żgurata l‑protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati, peress li dikjarazzjoni li ssir minn qabel, sa fejn tippermetti li tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali u tal-pagi tal-Istat Membru ospitanti matul il‑kollokament, tikkostitwixxi mezz iktar proporzjonat biex jinkiseb dan l‑għan milli t-tali awtorizzazzjoni jew stħarriġ li jsir minn qabel.

(ara l-punti 34, 36, 40, 52, 53, 61 u d-dispożittiv)

2. L-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor li tikkolloka ħaddiema fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, iż-żamma għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu, matul il-perijodu ta’ kollokament, ta’ kopja ta’ dokumenti ekwivalenti għad-dokumenti dwar il-ħaddiem jew dwar ix-xogħol rikjesti mil-liġi tal-ewwel Stat kif ukoll it‑trażmissjoni tagħhom lill-imsemmija awtoritajiet fi tmiem dan il‑perijodu.

Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-obbligi jagħtu lok għal spejjeż u ħlasijiet amministrattivi u ekonomiċi supplimentari għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’mod li dawn l-impriżi jistgħu ma jsibux lilhom infushom fuq livell ugwali, mill-aspett kompetittiv, ma’ impriżi li jimpjegaw persuni li normalment jaħdmu fit-territorju nazzjonali. Madankollu, iż-żamma ta’ kopja tal-imsemmija dokumenti ekwivalenti hija approprjata biex tippermetti lill-awtoritajiet jivverifikaw l-osservanza, fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol hekk kif inhuma elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi u, għaldaqstant, li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema. Tali miżuri huma għaldaqstant proporzjonati mal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-ħaddiema.

(ara l-punti 42, 57, 60, 61 u d-dispożittiv)

Top