Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0496

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Drittijiet miksuba — Suċċess f’kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil‑kategorija qabel l-1 ta’ Mejju 2004

    (Artikolu 336 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2, 8 u 10; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

    2. Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Kontestazzjoni tal-legalità ta’ dispożizzjoni statutorja ġdida

    (Artikolu 336 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2(1), 8(1) u 10 (1), (2) u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

    3. Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Ksur tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali — Assenza

    (Artikolu 336 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2 u 10; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

    Summary

    1. Peress li r-rabta ġuridika bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal u mhux fuq kuntratt, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu, sakemm ikun hemm osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, jiġu emendati fi kwalunkwe mument mil-leġiżlatur. L-emenda tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li seħħew meta kienet fis-seħħ il-liġi antika, ħlief fil-preżenza ta’ drittijiet miksuba, jiġifieri meta l-fatt li ta lok għad-drittijiet seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva.

    B’hekk, l-uffiċjali li avvanzaw fil-karriera tagħhom permezz tas-suċċess tagħhom f’kompetizzjoni interna, organizzata taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, kisbu d-dritt għar-rispett tal-progress imwettaq b’dan il-mod taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, tali dritt jimplika biss li jirċievu l-istess trattament skont ir-Regolamenti tal‑Persunal, fir-rigward, b’mod partikolari, kemm tal‑progress fil-karriera, u kemm dak intiż għall-uffiċjali kollha fil-grad ġdid li fih aċċedew.

    Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jiddisponi minnha l-leġiżlatur sabiex jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif neċessarju, u b’mod partikolari sabiex ibiddel l-istruttura tal-gradi tal‑uffiċjali, ma tistax tawtorizzah jagħmel emendi li, b’mod partikolari, ma jkollhomx x’jaqsmu ma’ din in-neċessità jew li ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-kompetenzi li dawn il-gradi għandhom jirriflettu. Madankollu, il-leġiżlatur ma jistax, min-naħa l-oħra, jintrabat bl-obbligu taż-żamma stretta tar-rapport li eżista bejn il-gradi qabel l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, l-uffiċjali ma jistgħux jinvokaw effettivament l-allegati drittijiet miksuba li jiġu kklassifikati fi grad superjuri miksub taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki sabiex isostnu li l-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda huma vvizzjati minn illegalità.

    (ara l-punti 82-87)

    2. L‑uffiċjali ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jopponu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni regolamentari ġdida, l-iktar fil‑qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, bħal dak tal-istruttura l-ġdida tal-karriera, introdotta bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

    (ara l-punt 93)

    3. L-uffiċjali li għaddew minn kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali tal-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. Dawn tal-ewwel kisbu, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, prospetti ta’ karriera aħjar meta pparaguanti ma’ dawn tal-aħħar, li ttieħdu inkunsiderazzjoni fid-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

    Peress li, meta adotta r-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, il-leġiżlatur Komunitarju biddel is-sistema tal-karrieri kollha fis-seħħ, huwa ma setax jiġi obbligat jirriproduċi eżattament u b’mod identiku l-ġerarkija ta’ gradi tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, minħabba l-fatt li dan jippreġudika l-possibbiltà tiegħu li jwettaq xi emendi lir-Regolamenti tal-Persunal. F’dan il-kuntest, il-paragun tal-gradi ta’ ġerarkija preċedenti u sussegwenti għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex, fih innifsu, determinanti sabiex tiġi evalwata l-konformità tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    Ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, jiddistingwu bejn il-karrieri tal-uffiċjali li, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki kienu qegħdin f’diversi gradi tal-ġerarkija u jiżguraw, għal dawk li għaddew minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija, prospetti ta’ karriera differenti minn dawk tal-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. B’mod partikolari, is-sistema tranżitorja, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) u (2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tiżgura, permezz tar-regola ta’ waqfien ta’ progress tal-karriera u dik tal-iffissar tar-rata ta’ promozzjoni għall-gradi differenti, prospetti aħjar ta’ karriera għall-uffiċjali li kienu qegħdin f’gradi ogħla taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, u dawk li avvanzaw fil-gradi wara li għaddew minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija.

    (ara l-punti 102, 105, 106)

    Top