Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0473

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-473/08

    Ingenieurbüro Eulitz GbR Thomas und Marion Eulitz

    vs

    Finanzamt Dresden I

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sächsisches Finanzgericht)

    “Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 13(A)(1)(j) — Eżenzjoni — Lezzjonijiet privati mogħtija minn għalliema li jirrigwardaw tagħlim tal-iskola jew tal-università — Servizzi pprovduti minn għalliem indipendenti fil-kuntest ta’ kors ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwu organizzat minn istitut terz”

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Jannar 2010   I ‐ 910

    Sommarju tas-sentenza

    1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni ta’ lezzjonijiet privati mogħtija minn għalliema li jirrigwardaw tagħlim tal-iskola jew tal-università

      (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13(A)(1)(j))

    2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni ta’ lezzjonijiet privati mogħtija minn għalliema li jirrigwardaw tagħlim tal-iskola jew tal-università

      (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 4 u 13(A)(1)(j))

    1.  L-Artikolu 13(A)(1)(j) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ tagħlim ipprovduti minn inġinier iggradwat fi ħdan istitut ta’ taħriġ bħala assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat, fi ħdan korsijiet li jintemmu b’eżami u li l-parteċipanti fihom diġà jkollhom, għall-inqas, kwalifiki ta’ perit jew inġinier miksubin minn stabbiliment ta’ tagħlim superjuri jew stabbiliment ekwivalenti, jikkostitwixxu “tagħlim [lezzjonijiet][…] [li] jkopri edukazzjoni [tagħlim] ta’ l-iskola jew ta’ l-università” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Jistgħu wkoll jikkostitwixxu tali lezzjonijiet l-attivitajiet barra dawk tat-tagħlim fil-veru sens tal-kelma, sakemm dawn l-attivitajiet jitwettqu, essenzjalment, fil-kuntest tat-trasferiment ta’ għarfien u ta’ kompetenzi bejn l-għalliem u l-istudenti, fir-rigward tat-tagħlim tal-iskola jew tal-università. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, sa fejn huwa neċessarju, tivverifika jekk l-attivitajiet ikkonċernati tal-għalliem jikkostitwixxu “tagħlim [lezzjonijiet]” li jirrigwarda l-“edukazzjoni [tagħlim] ta’ l-iskola jew ta’ l-università” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

      (ara l-punt 38 u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 13(A)(1)(j) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li, persuna indipendenti, li hija assoċjata ma’ kumpannija rregolata bid-dritt ċivili, li tipprovdi servizzi ta’ għalliem fil-kuntest ta’ taħriġ professjonali superjuri proposti minn organizzazzjoni terza, ma tistax titqies li tagħti tagħlim “privatament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li hija din l-organizzazzjoni — u mhux l-għalliem ikkonċernat — li kienet responsabbli tal-istitut ta’ taħriġ li fi ħdanu dan tal-aħħar ta xi lezzjonijiet u pprovda servizzi ta’ taħriġ lill-parteċipanti fil-korsijiet. Din is-sitwazzjoni tal-aħħar, fiha nnfisha, ma hijiex ta’ natura li teskludi l-possibbiltà li l-għalliem — u għaldaqstant il-kumpannija rregolata bid-dritt ċivili li huwa assoċjat magħha — setgħu jitqiesu li taw tagħlim “privatament” fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(j) tas-Sitt Direttiva.

      F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li titwettaq, “b’mod indipendenti”, attività ekonomika u li jiġu sodisfatti l-kriterji l-oħra tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva sabiex individwu jiġi kkunsidrat li huwa suġġett għall-VAT ma jistgħux, mingħajr iktar fatturi, iwasslu għall-konklużjoni li għalliem li ma huwiex marbut b’kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ impjieg analoga għal dik li tirriżulta minn tali impjieg iwettaq l-attivitajiet tiegħu “privatament” fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(j) ta’ din id-direttiva.

      (ara l-punti 48, 52, 53, 55, u d-dispożittiv 2)

    Top