This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0392
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Ambjent — Kontroll tal-perikoli ta’ inċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi — Direttiva 96/82
(Direttiva tal-Kunsill 96/82, Artikolu 11(1)(ċ))
It-tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni skont l-Artikolu (1)(ċ), tad-Direttiva 96/82, dwar il kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti [inċidenti] kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi, jidħol fi proċess ta’ diversi fażijiet li fih, fl-ewwel lok, it-tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza interni għall-operaturi tal-istabbilimenti li fihom jinsabu kwantitajiet kbar ta’ sustanzi perikolużi u l-għoti tal-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet kompetenti, fit-tieni lok, it-tfassil, minnhom, ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni u, fit-tielet lok, l-eżami mill-ġdid, u jekk ikun neċessarju, ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ emerġenza interni u esterni, rispettivament, mill-imsemmija operaturi u mill-imsemmija awtoritajiet.
Huwa minnu li l-Artikolu 11(1) u (4) tal-imsemmija direttiva ma jistabbilixxix terminu ħlief f’dak li jikkonċerna l-ewwel u t-tielet minn dawn il fażijiet. Madankollu, in-nuqqas, f’din id-dispożizzjoni, ta’ terminu ċar f’dak li jirrigwarda t-tfassil tal-pjanijiet ta’ emerġenza esterni ma jimplikax fih innifsu li l-ebda terminu ma huwa impost fuq l-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jfassluhom.
Mill-interdipendenza li teżisti bejn il-pjanijiet ta’ emerġenza interni u esterni fejn il-koordinazzjoni tagħhom tiżgura l-effikaċja tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti huma marbuta li jfasslu l-pjanijiet ta’ emerġenza esterni f’terminu li, minn naħa, ma jġibx miegħu r-riskju ta’ dannu għall-effettività tad dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, iżda li, min-naħa l-oħra jieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien neċessarju sabiex jiġu ffinalizzati l-imsemmija pjanijiet, għaldaqstant f’terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mill-għoti tal-informazzjoni neċessarja mill-operaturi.
Barra minn hekk, jekk huwa minnu li, skont l-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, l-obbligu ta’ tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni huwa marbut ma’ dak impost fuq l-operaturi tal-istabbilimenti kkonċernati li jibagħtu l-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn ikunu jistgħu jfasslu dawn il-pjanijiet, xorta jibqa’ l-fatt li din l-istess dispożizzjoni tissuġġetta lill-Istati Membri għall-obbligu li jiżguraw li l-imsemmija operaturi jipprovdu l-informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx, fl imsemmija termini, l-informazzjoni neċessarja ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni.
(ara l-punti 13, 14, 17, 21, 25)