EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0352

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Interpretazzjoni mitluba minħabba l-applikabbiltà għal sitwazzjoni interna ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li saret applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali — Ġurisdizzjoni li tingħata din l-interpretazzjoni

(Artikolu 267 TFUE)

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Sistema komuni ta’ tassazzjoni li tapplika għal mergers, diviżjonijiet, trasferimenti ta’ attiv u skambji ta’ azzjonijiet li jirrigwardaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti — Direttiva 90/434 — Operazzjonijiet li l-għan tagħhom ikun il-frodi jew l-evażjoni fiskali

(Direttiva tal-Kunsill 90/434, Artikolu 11(1)(a))

Summary

1. Meta leġiżlazzjoni nazzjonali tadotta għal sitwazzjonijiet purament interni l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fid-dritt tal-Unjoni sabiex, b’mod partikolari, tiġi evitata d-diskriminazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini nazzjonali jew distorsjoni eventwali tal-kompetizzjoni, jeżisti ċertament interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, irrispettivament mill-kundizzjonijiet li fihom ser ikunu applikati.

(ara l-punt 33)

2. L-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet [mergers], id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trattamenti preferenzjali stabbiliti minnha ma jistgħux jiġu rrifjutati lill-persuna taxxabbli li jkollha l-intenzjoni li, permezz ta’ operazzjoni legali li tinkludi merger ta’ negozju, tevita l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq it-trasferimenti, peress li din it-taxxa ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fil-fatt, huwa biss eċċezzjonalment u f’każijiet partikolari li l-Istati Membri jistgħu, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, jirrifjutaw li japplikaw totalment jew parzjalment id-dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija jew jirtiraw il-benefiċċju tagħha. Għaldaqstant, l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 90/434, bħala dispożizzjoni ta’ eċċezzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod strett filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni, l-għan u l-kuntest tiegħu. Għalhekk, din id-dispożizzjoni, meta tagħmel riferiment, fir-rigward tar-raġunijiet ekonomiċi validi, għar-ristrutturazzjoni jew għar-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-kumpanniji li jieħdu sehem fl-operazzjoni inkwistjoni, li fil-preżenza tagħhom ma tapplikax il-preżunzjoni ta’ frodi jew ta’ evażjoni fiskali, tillimita lilha nfisha b’mod ċar għall-qasam tal-mergers ta’ kumpanniji u ta’ operazzjonijiet oħra ta’ riorganizzazzjoni li jirrigwardaw dawn il-kumpanniji u tapplika biss għat-taxxi li jirriżultaw minn dawn l-operazzjonijiet.

Barra minn hekk, id-Direttiva 90/434 ma hijiex intiża li tarmonizza kompletament it-taxxi li jistgħu jkunu imposti meta jkun hemm merger jew operazzjoni simili bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti. Billi tistabbilixxi regoli fiskali newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni, din id-direttiva sempliċement tirrimedja ċerti inkonvenzji fiskali marbuta mar-ristrutturazzjoni transkonfinali ta’ impriżi. Minn dan jirriżulta li huma biss it-taxxi li jissemmew espliċitament mid-Direttiva 90/434 li jistgħu jibbenefikaw mit-trattamenti preferenzjali stabbiliti minn din tal-aħħar u għalhekk jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(a) tad-direttiva msemmija. Peress li ma teżisti ebda indikazzjoni fid-direttiva msemmija li abbażi tagħha jista’ jiġi konkluż li din id-direttiva xtaqet testendi l-benefiċċju tat-trattamenti preferenzjali għal taxxi oħra, bħalma hija taxxa imposta fil-każ tal-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju nazzjonali, dawn it-taxxi għandhom jitqiesu li għadhom jaqgħu fil-kompetenza fiskali tal-Istati Membri, u l-benefiċċju tat-trattamenti preferenzjali stabbiliti permezz tad-Direttiva 90/434 ma jistax jiġi rrifjutat, skont l-Artikolu 11(1)(a) tagħha, bħala tpaċija għan-nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa li l-bażi ta’ stima u r-rata tagħha huma neċessarjament differenti minn dawk applikabbli għall-mergers ta’ kumpanniji u għal operazzjonijiet oħra ta’ riorganizzazzjoni li jirrigwardawhom.

(ara l-punti 45, 47, 49, 50, 52-54, 56 u d-dispożittiv)

Top