Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0334

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Stabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000, Artikolu 17(1) u (2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597, Artikoli 2(1)(a) u (b), u 8(1))

    2. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Stabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000, Artikolu 17(2))

    3. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Stabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000, Artikolu 17(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597, Artikoli 2 u 8)

    4. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Stabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000, Artikoli 6(3)(a)) u ( b), u 17(2))

    Summary

    1. Ir-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2000/597, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej, għandhom, skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id deċiżjoni, jinġabru mill-Istati Membri u dawn għandhom l-obbligu jqiegħdu dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri jkunu meħlusa minn dan l-obbligu biss jekk l-irkupru ma setax jitwettaq minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri jew meta jirriżulta li jkun definittivament impossibbli li jitwettaq l-irkupru minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu imputati lilhom.

    F’dan ir rigward, l-aġir ta’ kull korp tal-Istat huwa, bħala prinċipju, attribwibbli lil dan tal-aħħar. Korp jinkludi kull persuna jew entità li għandha dan l-istatus taħt id-dritt intern tal-Istat inkwistjoni. Il-fatt li l-aġir ta’ tali persuna jew entità, li jkollha l-poter teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li taġixxi f’din il-kwalità, jikser il-liġi, jmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha jew jikser l-istruzzjonijiet mogħtija mis-superjuri, ma huwiex ta’ natura li jdgħajjef din il-konklużjoni.

    (ara l-punti 34, 35, 39)

    2. Il-kunċett ta’ forza maġġuri li jinsab fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ġiet eżerċitata kull diliġenza possibbli. Wieħed mill-elementi li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ forza maġġuri huwa t-twettiq ta’ avveniment estern għall-persuna li tixtieq tinvoka l-forza maġġuri, jiġifieri li jimmaterjalizza fatt li jseħħ barra mill-isfera ta’ intervent ta’ din il-persuna.

    L-aġir tal-uffiċjali tad-dwana li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, joħorġu awtorizzazzjonijiet illegali, ma jistax jitqies bħala estern għall-amministrazzjoni li kienu jagħmlu parti minnha. Barra minn hekk ma ġiex stabbilit li l-konsegwenzi ta’ dan l-aġir, imputabbli lir-Repubblika Taljana, ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha li setgħet tiġi eżerċitata minn dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka l-forza maġġuri sabiex jinħeles mill-obbligu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni.

    (ara l-punti 42, 46, 47, 49)

    3. Jekk żball imwettaq mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jkollu l-effett li r-riżorsi proprji tal-Unjoni ma jkunux ġew irkuprati, tali żball ma jistax iqajjem dubju dwar l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas l-intitolamenti li jkunu ġew stabbiliti kif ukoll l-interessi moratorji.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru li jonqos milli jistabbilixxi l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji u milli jqiegħed l-ammont korrispondenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma tkun sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, taħt l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 2000/597, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej.

    (ara l-punti 50, 51)

    4. Il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti ma teżiġix biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, emendat, iżda wkoll li l-imsemmija intitolamenti jkunu ġew inklużi b’mod regolari fil-Kont B.

    Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iżommu kont tar-riżorsi proprji mat-Teżor pubbliku jew mal-korp maħtur minnhom. Skont l-Artikolu 6(3)(a) u (b) tal-istess regolament, l-Istati Membri huma obbligati jinkludu fil-Kont A l-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament sa mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara dak li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament, bla ħsara għall-possibbiltà li jiddaħħlu fil-Kont B, fl-istess terminu, l-intitolamenti stabbiliti li “ikunu għadhom ma ġewx irkuprati” u li fir-rigward tagħhom “l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta”, kif ukoll l-intitolamenti stabbiliti u “li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta[, li] jkunu ġew sfidatati [ikkontestati] u [li] jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil”.

    Id-dħul tar-riżorsi proprji fil-Kont B jirrifletti għalhekk sitwazzjoni eċċezzjonali kkaratterizzata mill-fatt li l-Istati Membri jitħallew jew ma jqegħdux dawn l-intitolamenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni malli jiġu stabbiliti minħabba li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, jew li jiġu eżentati milli jagħmlu dan jekk l-imsemmija intitolamenti jirriżultaw irrekuperabbli minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri jew minħabba raġunijiet oħra li ma jkunux imputabbli lilhom, abbażi tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali sitwazzjoni eċċezzjonali, huwa neċessarju li d-dħul tal-intitolamenti stabbiliti fil-Kont B jkun sar mill-Istati Membri b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

    (ara l-punti 65, 66, 68, 69)

    Top