Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0305

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-305/08

    Consorzio Nazionale Interuniversitario per le Scienze del Mare (CoNISMa)

    vs

    Regione Marche

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato)

    “Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kunċetti ta’ ‘kuntrattur’, ta’ ‘fornitur’ u ta’ ‘min jipprovdi s-servizz’ — Kunċett ta’ ‘operatur ekonomiku’ — Universitajiet u istituti ta’ riċerka — Grupp (‘consorzio’) magħmul minn universitajiet u korpi tal-Istat — Għan statutorju prinċipali mingħajr skop ta’ lukru — Ammissjoni għal parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2009   I ‐ 12132

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2009   I ‐ 12146

    Sommarju tas-sentenza

    1. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Operaturi ekonomiċi

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(a) u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 1(8))

    2. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Operaturi ekonomiċi

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(a) u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 1(8), u l-Artikolu 4(1))

    1.  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], u b’mod partikolari, dawk tal-Artikolu 1(2)(a), u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 1(8) li jirreferu għall-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” għandhom jiġi interpretati fis-sens li jippermettu l-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku għal servizzi lil entitajiet li ma għandhomx prinċipalment skop ta’ lukru, li ma għandhomx struttura organizzattiva ta’ impriża u ma għandhomx preżenza regolari fis-suq, bħall-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka, kif ukoll il-gruppi magħmula minn universitajiet u korpi tal-Istat.

      Fil-fatt, kull persuna jew entità li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’avviż ta’ sejħa għal offerti, tqis li hija kapaċi sabiex tiżgura li teżegwi dan il-kuntratt, direttament jew indirettament billi tuża subappalt, hija awtorizzata titfa’ l-offerta jew li toħroġ bħala kandidat, irrispettivament mill-istatus tagħha tad-dritt pubbliku jew tad-dritt privat, kif ukoll mill-kwistjoni dwar jekk hijiex attiva b’mod sistematiku fis-suq jew jekk tagħmilx dan okkażjonalment, jew jekk hijiex issussidjata minn fondi pubbliċi jew le.

      Barra minn hekk, minn naħa, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jinkisirx minħabba l-fatt biss li l-awtoritajiet kontraenti jaċċettaw li korpi li jibbenefikaw minn sussidji li jippermettulhom jagħmlu offerti bi prezz raġonevoli u irħas minn dawk ta’ offerenti kompetituri li ma għandhomx sussidji jipparteċipaw fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Min-naħa l-oħra, jekk il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jobbliga l-awtoritajiet kontraenti sabiex jeskludu tali offerenti, kien jipprovdi dan espliċitament.

      (ara l-punti 40, 42, 45 u d-dispożittiv 1)

    2.  Id-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-entitajiet, bħall-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka, li ma għandhomx prinċiplament skop ta’ lukru, milli jipparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, anki meta tali entitajiet huma intitolati mid-dritt nazzjonali li joffru s-servizzi msemmija mill-kuntratt inkwistjoni.

      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/18, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni li jippermettu jew le, ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi sabiex jipprovdu ċerti servizzi. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jirregolaw l-attivitajiet tal-entitajiet, bħall-universitajiet u l-istituti tar-riċerka, li ma għandhomx skop ta’ lukru u li l-għan prinċipali tagħhom huwa orjentat lejn it-tagħlim u r-riċerka. B’mod partikolari, huma jistgħu jawtorizzaw jew le, lil tali entitajiet sabiex joperaw fis-suq skont jekk l-attività inkwistjoni hijiex konsistenti jew le mal-għanijiet istituzzjonali u statutorji.

      Madankollu, jekk u sa fejn tali entitajiet huma intitolati li joffru ċerti servizzi fis-suq, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2004/18 fid-dritt nazzjonali ma tistax tipprojbixxihom milli jipparteċipaw f’proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw il-provvista tal-istess servizzi.

      (ara l-punti 47-49, 51, u d-dispożittiv 2)

    Top