EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0280

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali — Inammissibbiltà — Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mwettqa mill-Qorti Ġenerali — Ammissibbiltà

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 112(1)(ċ))

2. Appell — Aggravji — Motiv ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113(2))

3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni — Eżerċizzju diskrezzjonali

(Artikolu 81 KE, 82 KE u 226 KE)

4. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekominikazzjonijiet ipprovduti mill-operatur li huwa l-proprjetarju tal-unika infrastruttura disponibbli — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż minkejja l-approvazzjoni tat-tariffi mill-awtorità nazzjonali regolatorja — Imputabbiltà tal-ksur

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

5. Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

6. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Twettiq intenzjonali jew b’negliġenza — Kunċett — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li jirriżulta mit-tariffi ta’ impriża f’pożizzjoni ta’ monopolju fis-suq tas-servizzi intermedjarji u f’pożizzjoni ta’ kważi monopolju fis-suq tas-servizzi bl-imnut

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15(2))

7. Atti tal-istituzzjonijiet — Obbligu ta’ motivazzjoni — Skop — Portata

(Artikolu 253 KE)

8. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekominikazzjonijiet ipprovduti mill-operatur li huwa l-proprjetarju tal-unika infrastruttura disponibbli — Differenza negattiva jew insuffiċjenti bejn it-tariffi għall-kompetituri u t-tariffi bl-imnut

(Artikolu 82 KE)

9. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Kunċett

(Artikolu 82 KE)

10. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet ipprovduti mill-operatur li huwa l-proprjetarju tal-unika infrastruttura disponibbli — Kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri

(Artikolu 82 KE)

11. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Opportunitajiet indaqs — Assenza — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul li jirriżulta minn servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet oħra — Esklużjoni

(Artikolu 82 KE)

12. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Aġir li għandu effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni

(Artikolu 82 KE)

13. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal- ksur — Ksur gravi — Effett ta’ pressjoni fuq il-prezzijiet li jirriżulta minn tariffi ta’ impriża f’pożizzjoni ta’ monopolju — Ċirkustanzi attenwanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tieni paragrafu tal-punt 1 A)

14. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħat tal-Kummissjoni — Bidla fil-prassi preċedenti — Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 17)

Summary

1. Mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l‑elementi tas-sentenza li ġew ikkritikati u li tagħhom intalab l-annullament kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jissostanzjaw din it-talba b’mod speċifiku. L-appell li, mingħajr lanqas ma jinkludi argumentazzjoni intiża speċifikament sabiex tidentifika l-iżball ta’ liġi li jinsab fis-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, liema ċirkustanza taħrab mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l‑applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma setax jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq aggravji u argumenti li diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tkun nieqsa minn parti mis-sens tagħha.

(ara l-punti 24, 25)

2. L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti quddiem l-ewwel istanza. Għaldaqstant parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex b’hekk hija tressaq kwistjoni iktar wiesgħa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, minn dik li kellha quddiemha l-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 34, 42, 49)

3. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jadotta l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali kollha sabiex jiżguraw l-implementazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-obbligi li jirriżultaw bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikoli 81 KE u 82 KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 10 KE, jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jiħdux jew li ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja, li jkunu jistgħu jneħħu l‑effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi.

Madankollu, fir-rigward tal-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru, meta s‑sentenza appellata tikkonċerna biss il-legalità ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 82 KE fil-konfront ta’ kumpannija appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest tal-appell, tieħu ħsieb li tivverifika jekk l‑ilmenti mressqa insostenn tal-appell humiex tali li jiżvelaw li l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-legalità ta’ tali deċiżjoni huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi, u dan indipendentement mill-fatt dwar jekk il‑Kummissjoni setgħetx, parallelament jew alternattivament, tadotta deċiżjoni ta’ ksur ta’ liġi tal-Unjoni kontra l-Istat Membru inkwistjoni.

B’hekk, anki jekk ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kisru l-liġi tal-Unjoni u jekk il-Kummissjoni tabilħaqq setgħet għażlet li f’dan il-kuntest tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE kontra Stat Membru, dawn il‑possibbiltajiet huma mingħajr rilevanza fl-istadju tal‑appell. Fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u ma humiex il-qrati tal-Unjoni li għandhom jevalwaw l-opportunità tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

(ara l-punti 45-47)

4. Huwa biss jekk aġir antikompetittiv ikun impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din toħloq kuntest legali li jelimina huwa stess kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom li l‑Artikoli 81 KE u 82 KE ma humiex applikabbli. F’sitwazzjoni tali, fil-fatt, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma tkunx ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, mill-aġir awtonomu tal-impriżi.

Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 81 KE u 82 KE jistgħu jkunu applikabbli jekk jirriżulta li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali tħalli lok għall-possibbiltà li jkun hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi. Il-possibbiltà li jiġi eskluż aġir antikompetittiv partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, minħabba l-fatt li dan ġie impost fuq l-impriżi inkwistjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti jew li din neħħiet kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom, ġiet ammessa b’mod restrittiv biss min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk liġi nazzjonali sempliċement tinkoraġġixxi jew tiffaċilita l-adozzjoni, mill-impriżi, ta’ aġir antikompetittiv awtonomu, dawn tal-aħħar jibqgħu suġġetti għall-Artikoli 81 KE u 82 KE. Huma fil-fatt l-impriżi dominanti li għandhom responsabbiltà partikolari li ma jippreġudikawx, permezz tal-aġir tagħhom, kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni.

F'dan ir-rigward, is-sempliċi ċirkustanza li impriża dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet tkun ġiet inkoraġġuta, permezz tal-interventi ta’ awtorità regolatorja nazzjonali, bħall-awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta, iżżomm fis-seħħ il-prattiki tariffarji tagħha li jwasslu għal pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri minn tal-inqas daqstant effiċjenti tagħha ma tistax, fiha nnifisha, telimina r-responsabbiltà tagħha taħt l-Artikolu 82 KE.

Fil-fatt, peress li, minkejja t-tali interventi, l-impriża kellha marġni ta’ manuvra sabiex tbiddel il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet inkwistjoni hija imputabbli lilha. In-natura żbaljata jew mhux żbaljata li tikkonsisti f’li din il-marġni ta’ manuvra ma tintużax ma hijiex tali li tmur kontra l‑ konstatazzjoni li tgħid li l-appellanti kellha marġni ta’ manuvra sabiex tadottaha, iżda tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tad-determinazzjoni tan-natura ta’ ksur ta’ dan l-aġir kif ukoll fl-istadju tal-iffissar tal-ammont tal-multi.

(ara l-punti 80-85, 88, 89)

5. Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex suffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li, bħala tali, tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell.

(ara l-punt 123)

6. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni twettaqx intenzjonalment jew b’negliġenza u jekk jistax, għalhekk, jiġi ppenalizzat b’multa, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, din il-kundizzjoni hija sodisfatta peress li impriża ma tistax tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, kemm jekk hija kienet konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat.

Dan huwa l-każ ta’ impriża fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet li ma setgħetx tinjora l-fatt, minn naħa, li hija kellha, minkejja d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta, marġni ta’ manuvra reali sabiex tiffissa l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u li, min-naħa l-oħra, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet twassal, fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha ta’ monopolju fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk lokali u tal-pożizzjoni tagħha ta’ kważi monopolju fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, għal restrizzjonijiet serji fuq il-kompetizzjoni.

(ara l-punti 124, 125)

7. L-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il‑kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

(ara l-punti 130, 131)

8. L-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE jipprojbixxi, b’mod espliċitu, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli timponi b’mod dirett jew indirett prattiki tariffarji mhux ekwi u, b’mod partikolari, li tapplika prattiki tariffarji li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri daqstant effiċjenti tagħha, attwali jew potenzjali, jiġifieri prattiki li jistgħu jagħmluha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibbli, għal dawn tal-aħħar li jkollhom aċċess għas-suq, kif ukoll li jagħmluha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibbli, għall-kontroparti tagħha, li jkollhom għażla bejn numru ta’ sorsi ta’ provvista jew imsieħba kummerċjali, sabiex b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tirrikorri għal mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt tip ta’ kompetizzjoni bbażata fuq mertu. F’din il-perspettiva, kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ma tistax għaldaqstant titqies li hija leġittima.

Sa fejn impriża f’pożizzjoni dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet għandha marġni ta’ manuvra sabiex tnaqqas jew telimina pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha, permezz tat-tibdil fil-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, fid-dawl tal-effett ta’ esklużjoni li tista’ tikkawża fuq l‑imsemmija kompetituri, din il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tista’ fiha nnifisha tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

L-imsemmi Artikolu 82 KE huwa intiż b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ kompetizzjoni mhux distorta. F’dan ir-rigward huwa mingħajr rilevanza li l-impriża dominanti jkollha żżid i l-prezzijiet tagħha sabiex telimina l-abbuż.

Billi tnaqqas konsegwentement il-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti f’suq, dak tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, li diġà huwa mdgħajjef preċiżament minħabba l-preżenza tal-imsemmija impriża, u billi b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ din tal-aħħar fis-suq, l-imsemmija pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għandha wkoll l-effett li l-konsumaturi jsofru dannu b’riżultat tal-limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ għażla tagħhom u, għaldaqstant, b’riżultat tal-perspettiva ta’ tnaqqis, fuq terminu iktar twil, tal-prezzijiet bl-imnut minħabba l-kompetizzjoni adottata minn kompetituri minn tal-inqas daqstant effikaċji fl-imsemmi suq.

Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-obbligu li tistabbilixxi li l-prezzijiet bl-ingrossa tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali jew prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati huma fihom infushom abbużivi minħabba, skont il-każ, in-natura eċċessiva jew ta’ sfruttament tagħhom.

(ara l-punti 172, 177, 180-183)

9. Sabiex jiġi evalwat jekk il-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti jistgħux jeliminaw kompetitur bi ksur tal-Artikolu 82 KE, għandu jiġi adottat kriterju bbażat fuq l‑ispejjeż u fuq l-istrateġija tal-impriża dominanti nnifisha. F'dan ir-rigward impriża dominanti ma tistax teskludi mis-suq impriżi li possibbilment huma wkoll effikaċji daqsha, iżda li, minħabba l‑kapaċità finanzjarja żgħira tagħhom, ma humiex kapaċi li jirreżistu għall-kompetizzjoni li ssir fil-konfront tagħhom.

F’sitwazzjoni fejn in-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti tirriżulta mill-effett ta’ esklużjoni tagħhom għall-kompetituri tagħha, l-analiżi dwar l-imsemmija natura abbużiva għandha tkun ibbażata biss b’riferiment għat-tariffi u għall-ispejjeż tal-impriża dominanti. Fil-fatt, tali kriterju jippermetti li jiġi vverifikat jekk impriża dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet kinitx f’pożizzjoni li tipproponi s-servizzi tagħha bl-imnut għall-abbonati mingħajr ma tagħmel telf, jekk hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali. Konsegwentement, dan il-kriterju huwa utli sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti kellhomx effett ta’ esklużjoni fil-konfront tal-kompetituri permezz tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

Tali approċċ huwa barra minn hekk ġustifikat billi huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jippermettilha, fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari li għandha skont l-Artikolu 82 KE, tevalwa l‑legalità tal-aġir tagħha stess. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti għandha għarfien dwar l-ispejjeż u t‑tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju hija ma tafx x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha.

Dawn il-konstatazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati permezz taċ-ċirkustanza li ssostni li l-kompetituri tal-impriża dominanti huma suġġetti għal kundizzjonijiet legali u materjali inqas onerużi sabiex jipprovdu s‑servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet tagħhom lill-abbonati. Fil-fatt, li kieku wieħed kellu jassumi li din iċ-ċirkustanza ġiet stabbilita, l-istess ċirkustanza xorta waħda ma tasalx ikollha inċidenza fuq il-fatt li impriża dominanti ma tistax tadotta prattiki tariffarji li jeskludu lil kompetituri minn tal-inqas daqstant effiċjenti mis-suq ikkonċernat u lanqas fuq il-fatt li t-tali impriża għandha, fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari tagħha skont l‑Artikolu 82 KE, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina waħedha jekk il-prattiki tariffarji tagħha humiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 198-203)

10. Anki jekk, mill-perspettiva tal-abbonat, is-servizzi ta’ aċċess u ta’ komunikazzjoni jistgħu effettivament jikkostitwixxu ħaġa waħda, il‑Kummissjoni għandha d-dritt teżamina l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il‑marġni tal-prezzijiet biss mill-perspettiva tas-servizzi ta’ aċċess mingħajr ma tinkludi s-servizzi ta’ komunikazzjoni, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ristrutturazzjoni tal-prezzijiet u ta’ opportunitajiet indaqs.

F’dan ir-rigward, ma twettaq ebda żball ta’ liġi l-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ristrutturazzjoni tal-prezzijiet, li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni relatata mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, sabiex teżamina l-fondatezza tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 82 KE għall-prattiki tariffarji abbużivi ta’ impriża dominanti. Fil-fatt, billi l‑leġiżlazzjoni relatata mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet tiddefinixxi l‑qafas legali applikabbli għal dan is-settur u li, b’hekk tikkontribwixxi sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li fihom impriża dominanti teżerċita n-negozju tagħha fis-swieq ikkonċernati, hija tikkostitwixxi element rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għall-aġir adottat minn din l-impriża, kemm jekk sabiex tiddefinixxi s‑swieq ikkonċernati, sabiex tevalwa n-natura abbużiva ta’ tali aġir jew ukoll sabiex tiffissa l-ammont tal-multi.

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l‑prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet japplika biss għall-impriża dominanti u mhux għall-kompetituri tagħha, ladarba l-Qorti Ġenerali, sabiex tiddetermina n‑natura abbużiva, fir-rigward tal-Artikolu 82 KE tal-prattiki tariffarji tal-imsemmija impriża dominanti, tkun ibbażat ruħha fuq is‑sitwazzjoni u l‑ispejjeż tal-impriża dominanti, skont il-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċji.

B’hekk, billi l-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-ristrutturazzjoni mill-ġdid tal-prezzijiet intiż mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet kellu jsir, b’mod partikolari, permezz ta’ tnaqqis fit-tariffi tal-komunikazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u permezz ta’ żieda fl-abbonament ta’ kull xahar u tal-prezz tal-komunikazzjonijiet lokali, hija setgħet ukoll tislet minn dan li t-teħid inkunsiderazzjoni separat tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess u tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ komunikazzjoni għall-konstatazzjoni tan-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji inkwistjoni tal-appellanti tinsab fil-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tal-prezzijiet.

(ara l-punti 221, 223-226)

11. Sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs tal-operaturi ekonomiċi differenti.

Dan jimplika li impriża dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet u l‑kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha jkunu fuq livell ta’ ugwaljanza fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Din il‑kundizzjoni ma tiġix sodisfatta jekk il-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mħallsa lill-impriża dominanti jistgħu jkollhom effett fuq il-prezzijiet bl-imnut tagħhom għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati biss billi joffru dawn is-servizzi b’telf.

Fil-fatt, peress li, minn naħa, is-suq bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jikkostitwixxi suq separat u li, min-naħa l-oħra, is-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali huma indispensabbli għal kompetituri minn tal-inqas effikaċji daqsha sabiex jidħlu effettivament f’kompetizzjoni f’dan is-suq flimkien ma’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti fl-istess suq fil-biċċa l‑kbira minħabba l-monopolju legali li hija kellha qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, it‑twaqqif ta’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta jitlob li din l‑impriża dominanti, permezz tal-prattiki tariffarji tagħha f’dan is-suq bl-imnut, ma timponix żvantaġġ kompetittiv fuq il-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effikaċji li jkun tali li jipprekludi jew jirrestrinġi l-aċċess għal dan is-suq jew l-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom fuq dan is-suq.

Dan huwa b’mod partikolari l-każ billi, peress li l-provvista eventwali minn dawn il-kompetituri ta’ servizzi oħra ta’ telekomunikazzjonijiet lill-abbonati permezz tan-netwerk fiss tal-impriża dominanti teżiġi wkoll l‑akkwist tas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mingħandha, dan l-iżvantaġġ kompetittiv fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jkollu neċessarjament inċidenza, fis-swieq marbuta ma’ dawn is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet oħra. Madankollu, din l‑aħħar ċirkustanza ma timplikax li d-dħul derivanti minn dawn is-servizzi l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk il-kompetituri minn tal-inqas effikaċji daqs l‑impriża dominanti jinsabux f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fil-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Fil-fatt, dawn is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet l-oħra jaqgħu fi swieq distinti meta mqabbla ma’ dan l‑aħħar suq.

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-prattiki tariffarji tal-impriża dominanti fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati jqiegħdu immedjatament il-kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha f’sitwazzjoni ta’ inugwaljanza magħha stess f’dan l-istess suq, li jagħti lok għal pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-imsemmija kompetituri fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess.

(ara l-punti 230, 233-236, 240)

12. Meta jipprojbixxi l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq sa fejn il-kummerċ bejn Stat Membri jista’ jiġi affettwat, l‑Artikolu 82 KE jirreferi għall-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jkollu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi abbażi tal-prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il‑kompetizzjoni. B’hekk l-eżistenza ta’ prattika tariffarja minn impriża dominanti li twassal għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha tikkostitwixxi prattika abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE biss jekk tiġi prodotta l-prova ta’ effett antikompetittiv.

Fir-rigward tal-prattiki tariffarji minn impriża dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet li jwasslu għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri mill-inqas daqstant effikaċji tagħha, l-effett antikompetittiv li l-Kummissjoni għandha tipprova jirreferi għall-ostakoli eventwali li l‑imsemmija prattiki tariffarji tal-appellanti setgħu kkawżaw fuq l‑iżvilupp tal-offerta fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u, b’hekk, fuq il-livell ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq. Tali prattika hija abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE, peress li, billi tipproduċi effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri minn tal-inqas effikaċji daqsha, l-imsemmija prattika tista’ tagħmilha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibli, li jkun hemm aċċess għas-suq ikkonċernat min-naħa tal-kompetituri tagħha u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-impriża fuq l-istess suq, b’detriment għall-interessi tal-konsumaturi.

Meta impriża dominanti effettivament timplementa prattika tariffarja li twassal għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri minn tal-inqas daqstant effiċjenti tagħha fejn l-għan ta’ din il-prattika hija li teskludi lil dawn il-kompetituri mis-suq ikkonċernat, iċ-ċirkustanza li r-riżultat mixtieq, effettivament, ma jinkisibx ma jistax jeskludi l-kwalifika bħala abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Madankollu, fin-nuqqas tal-iċken effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri, tali prattika tariffarja ma tistax tiġi kkwalifikata bħala prattika ta’ esklużjoni meta d-dħul ta’ dawn il-kompetituri fis-suq ikkonċernat ma jsirx iktar diffiċli minħabba din il-prattika.

(ara l-punti 251-254)

13. Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, irregolat bil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA, jinkludi varji elementi ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali evalwatx b’mod korrett l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali.

Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom, b’mod partikolari, iċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju. Fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir tal-impriża kkonċernata, ir-rwol tagħha f’kull stabbiliment tal-prattika inkwistjoni, il-qligħ li din setgħet tikseb minn din il-prattika, id‑daqs tagħha u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni.

(ara l-punti 271-274)

14. Il-fatt li l‑Kummissjoni applikat, fl-imgħoddi, multi ta’ ċertu livell fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l‑implementazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. L-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli tal-Unjoni dwar il‑kompetizzjoni titlob, fil-fatt, li f’kull mument il-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika.

(ara l-punt 294)

Top